NUMRU REKORD TA’ BAJJIET DIKJARATI LI LAĦQU L-KRITERJI KOLLHA BIEX IĠORRU T-TITLU TAL-BANDIERA BLU GĦAL DAN IS-SAJF... TOTAL TA’ 8 FOSTHOM 1 F’GĦAWDEX
Dan is-sajf il-gżejjer Maltin se jkunu qed jesperjenzaw l-akbar numru ta’ bajjiet bit-titlu tal-bandiera blu (blue flag), b’total ta’ 8 bajjiet, filwaqt li bajja oħra se jkollha t-titlu ta’ Beach of Quality. Din is-sena wkoll, għall-ewwel darba, qed jingħata t-titlu ta’ bandiera blu lill-bajja privata mmexxija mil-lukanda Paradise Bay.
Dettalji dwar dan ingħataw dalgħodu f’attività li saret fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, bħala parti mill-attivitajiet li qed ikunu organizzati fl-okkażjoni tal-Jum Marittimu Ewropew u li għaliha kienu preżenti fost l-oħrajn il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella flimkien maċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia.
Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella semma l-importanza li għandu l-baħar għal Malta bħala gżira fejn huwa meqjus bħala xi ħaġa indispensabbli għall-ekonomija Maltija, anke għall-fatt li jgħaqqad il-gżira mal-kumplament tal-kontinent.
Filwaqt li feraħ lit-tmexxija ta’ dawn il-bajjiet għall-isforzi tagħhom biex il-bajjiet tagħna jkunu tal-ogħla kwalità, il-Ministru Karmenu Vella ħeġġeġ aktar kunsilli lokali biex iħarsu lejn dan il-kunċett daqstant importanti ta’ immaniġjar tal-bajjiet li jistgħu joffru lit-turist esperjenza mill-isbaħ.
Temm jgħid li l-bajjiet huma wieħed mir-riżorsi li għandu l-pajjiż u dan ir-riżors flimkien ma’ oħrajn għandhom ikunu użati b’mod sostenibbli.
Waqt din l-attività ngħataw ċertifikati flimkien mal-bandiera simbolika blu lit-tmexxija tat-tmien bajjiet li laħqu l-kriterji kollha stabbiliti u li jinkludu:
• Il-Bajja ta’ San Ġorg.
• Il-perched beach ta’ Buġibbba.
• Il-Bajja tal-Mellieħa.
• Il-Qawra Point.
• Fond Għadir.
• Il-Bajja t’Għajn Tuffieħa (immexxija mill-Fondazzjoni Gaia)
• Ir-Ramla l-Ħamra f’Għawdex (immexxija mill-Fondazzjoni Gaia)
• Il-Bajja privata tal-Paradise Bay Hotel
Golden Bay ingħatat it-titlu ta’ Beach of Quality.
Biex bajja tieħu t-titlu ta’ bandiera blu, hemm tletin kriterju tal-Blue Flag International li trid tissodisfa mija fil-mija u li jinkludu l-edukazzjoni ambjentali u informazzjoni, il-kwalità tal-ilma baħar, l-immaniġjar sostenibbli u s-sigurtà u servizzi. Bajjiet li jaqbżu s-sebgħin fil-mija tal-kriterji imma ma jaslux sal-aħħar jingħataw it-titlu ta’ Beach of Quality.
Fi tmiem l-attività l-Ministru għat-Turiżmu Kamenu Vella tella’ l-bandiera blu fil-bajja ta’ San Ġorġ, liema bajja din is-sena qed tikser ir-rekord tal-aktar bajja li qatt irċeviet it-titlu tal-bandiera blu (total ta’ 5 darbiet bejn l-2009-2013)
Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci u l-President tal-Għaqda Nature Trust Vince Attard.
Sadanittant, aktar kmieni, bħala parti mill-attivitajiet pubbliċi li qed ikunu organizzati fl-okkażjoni tal-Jum Marittimu Ewropew, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella għamel żjara liċ-ċentru ta’ riċerka tal-akwakultura f’San Luċjan f’Marsaxlokk.
Huwa ddawwar mal-post mill-Management fejn kien spjegat lilu l-ħidma li ssir matul is-sena fit-trobbija tal-ħut u x-xogħol ta’ riċerka li jsir b’mod kontinwu.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en