LAQGĦA TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IL-QAGĦDA TAS-SIĠAR F’PAJJIŻNA, FIL-5 TA’ ĠUNJU FIL-JUM DINJI FAVUR L-AMBJENT – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Fl-ewwel laqgħa tiegħu mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li skont il-programm elettorali tiegħu l-Gvern huwa impenjat li jidentifika flimkien mal-Kunsilli Lokali aktar proġetti mmirati lejn ir-rikreazzjoni tal-familji.
Il-Ministru Leo Brincat qal li l-Gvern flok jaħdem b’mod sparpaljat jixtieq li din il-ħidma ssir b’mod koordinat mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Qal ukoll li jekk hemm żewġ oqsma speċifiċi li l-Gvern jixtieq jindirizza b’urġenza huwa s-sehem tal-Kunsilli Lokali fl-immaniġġjar tal-iskart kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent b’mod partikulari l-qagħda mwiegħra tas-siġar f’pajjiżna bħalissa.
Il-Ministru Brincat ħabbar kif fil-5 ta’ Ġunju, fil-Jum Dinji favur l-Ambjent, il-Gvern ser jorganizza laqgħa għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-qagħda tas-siġar f’pajjiżna. Laqgħa li għaliha huwa mistieden il-pubbliku u hija ukoll miftuħa għall-individwi u għaqdiet li għandhom għal qalbhom is-siġar, operaturi ekonomiċi, Kunsilli Lokali u entitajiet Governattivi.
Huwa qal li biex aġenda mifruxa bħal din tilħaq l-għanijiet tagħha hemm bżonn li x-xogħol isir b’mod koordinat u mhux b’laqgħat sparpaljati li jistgħu jwasslu biss għal duplikazzjoni ta’ xogħol u ħela ta’ ħin.
Għaldaqstant il-Ministru Leo Brincat talab lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex din tissuġġerixxi mod prattiku kif jistgħu jintlaħqu dawn l-għanijiet komuni ħalli x-xogħol jinbeda fl-iqsar żmien possibli.
Minn naħa tiegħu huwa qal li ser iżomm kuntatt kontinwu mas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en