IL-BELT VALLETTA MHUX IŻJED BELT KANDIDATA IŻDA KAPITALI EWROPEA TAL-KULTURA
Waqt ċerimonja simbolika mmexxija mis-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali Josè Herrera, tneħħa l-kliem ‘Belt Kandidata’ mil-logo tal-Fondazzjoni Valletta 2018, biex b’hekk il-Belt Valletta issa hija Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2018. Dan kien il-qofol tal-avveniment annwali Immaġina 18, li din is-sena ittella’ mill-istess Fondazzjoni għat-tielet darba, fil-jiem 16, 17 u 18 ta’ Mejju.
Is-Segretarju Parlamentari Herrera qal li dan it-titlu għandu jservi biex jagħti sens ta’ kburija lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Huwa qal li pajjiżna għandu x-xorti li quddiemu għandu snin importanti u mimlija opportunità biex jiċċelebra il-kultura tiegħu. Huwa semma kif fl-2014 Malta ser tagħlaq 50 sena Indipendenti, u 40 sena Repubblika, fl-2017 ser tkun qed tmexxi l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba, u fl-2019 ser tkun qed tiċċelebra l-40 sena mill-Ħelsien tagħha. Dan jingħaqad tajjeb mal-okkażjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-2018 li flimkien huma okkazjoni biex pajjiżna isawwar l-identità kulturali tiegħu.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li l-għan ewlieni tal-ħidma tal-Fondazzjoni ser ikun li jinvolvi l-pubbliku b’mod iżjed ħolistiku, fi programm ta’ parteċipazzjoni li jirrifletti l-valuri tat-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura. Huwa qal li l-Beltin b’mod speċjali għandhom ikunu fuq quddiem net u fiċ-ċentru tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Huwa innota kif il-Belt hija mgħonija b’talenti kbar bħall-club tal-football, dilettanti tal-festi, l-entużjasti tal-Karnival, u ħafna ohrajn – dan it-talent u entużjażmu għandu jkun ċentrali fil-vjaġġ tal-Belt Valletta lejn is-sena 2018.
Qabel il-Konferenza tal-Aħbarjiet, is-Segretarju Parlamentari José Herrera flimkien maċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef żaru diversi attivitajiet li qed jiġu mtella’ għall-okkażjoni fosthom performance li saret b’kollaborazzjoni bejn V.18 u Heritage Malta fil-wirja iddedikata lil Mattia Preti, workshop ta’ mużika bi strumenti magħmula minn oġġetti riċiklati li V.18 tella’ b’kollaborazzjoni ma’ Earth Garden u Tribali fi Pjazza San Ġorġ, u l-EXPO li ttella għall-ewwel darba fil-Kamra tal-Kummerċ fi Triq ir-Repubblika.
Il-konferenza tal-aħbarjiet għalqet it-tielet edizzjoni tal-avveniment Immaġina 18 bit-tema Valletta : Belt Żgħira | Ambizzjoni Kbira. Immaġina 18 għandha l-għan li tqiegħed l-arti u l-kultura fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Din is-sena Immaġina 18 ġiet żviluppata f’avveniment mifrux fuq 3 ijiem li inkludiet konferenza bil-partecipazzjoni ta’ kelliema internazzjonali gewwa t-Teatru Manoel, l-ewwel EXPO Immaġina18, kif ukoll diversi kollaborazzjonijiet kulturali ma’ partijiet involuti u artisti lokali u barranin.
Immaġina 18 ikkoinċidiet ukoll mal-jum li fih il-Belt Valletta ġiet uffiċjalment iddikjarata Kapitali Ewropea tal-Kultura mill-Kunsill tal-Ministri tal-Kultura fi Brussell nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju.
Prezenti għaċ-ċerimonja simbolika ta’ dalgħodu kien hemm bosta mistednin distinti fosthom iċ-chairman tal-MTA Gavin Gulia, l-Ambaxxatur Malti ghall-UNESCO World Heritage Site s-Sur Ray Bondin u bosta artisti minn oqsma differenti tal-ispettaklu, tal-arti kontemporanja u t-teatru.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en