IL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT LAQA’ F’KASTILJA LIT-TIM NAZZJONALI MALTI TAL-WATERPOLO
Il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ f’Kastilja lit-tim nazzjonali Malti tal-Waterpolo li kiseb it-tieni post fl-ewwel rawnd ta’ kwalfikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2014. It-tim Malti rebaħ erbgħa mill-ħames partiti li lagħab u kien megħlub biss mill-qawwa tar-Russja. B’dan ir-riżultat pajjiżna kkwalifika għat-tieni rawnd li se jsir f’Lulju li ġej.
Il-Prim Ministru sema mingħand il-kowċis u l-plejers l-esperjenza tagħhom fis-suċċess miksub u kif it-tim nazzjonali qed jippjana li jiffaċja aktar sfidi sportivi fil-ġimgħat u xhur li ġejjin. Joseph Muscat qal li r-riżultati fil-Waterpolo ma ġewx b’kumbinazzjoni iżda b’ħafna xogħol u dedikazzjoni li llum qed jagħmlu lil pajjiżna kburi. Qal li, minkejja li spiss inqisu l-football bħala l-aktar sport importanti f’Malta, l-Waterpolo huwa wkoll sport ewlieni li qed jawgura tajjeb għall-futur anke fl-impenji diffiċli li ġejjin.
Minn naħa tiegħu l-President tal-Aquatic Sports Assocation Joe Caruana Curran irrakonta kif, meta l-kowċis u l-plejers Maltin kienu fid-Danimarka fi triqithom lejn l-ajruport biex jaslu lura Malta, irċievew messaġġ ta’ awguri fuq twitter mill-Prim Ministru. Ġest li, fi kliem Caruana Curran, kien ta’ unur kbir għat-tim nazzjonali kollu. Il-President tal-ASA qal li l-kontinġent iħoss li għamel unur għal Malta u bi ħsiebu jkompli miexi f’din it-triq.
Fi tmiem l-attività l-Prim Ministru kien ippreżentat minn Joe Caruana Curran b’numru ta’ tifkiriet fosthom flokk iffirmat mill-plejers kollha tat-tim nazzjonali.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en