LAQGĦA TAT-TRIO TAL-PRESIDENZA MALTIJA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u l-Fondi Ewropej, Dr. Ian Borg, ix-xahar id-dieħel ser iżur l-Irlanda fejn, flimkien ma’ rappreżentanti tal-Gvern Olandiż u Slovakk, iż-żewġ pajjiżi l-oħra li flimkien ma’ Malta se jifformaw it-Trio tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea 2017, ser jesperjenza dirattament x’tinvolvi l-organizzazzjoni ta’ avveniment daqstant importanti.
Dan ħabbru l-bieraħ is-Segretarju Parlamentari Dr. Ian Borg stess waqt laqgħa fl-Auberge d’Aragon ma’ l-ET Jim Hennessy, l-Ambaxxatur tal-Irlanda f’Malta. Din il-laqgħa hija waħda minn sensiela ta’ laqgħat li s-Segretarju Parlamentari Dr. Ian Borg qed ikollu ma’ Ambaxxaturi tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bi tħejjija għall-Presidenza Maltija fl-ewwel nofs tal-2017. Uffiċjalment it-tmintax-il xahar tal-Presidenza Maltija jibdew fl-1 ta’ Jannar, 2016 bil-Presidenza Olandiża.
Waqt din il-laqgħa l-Ambaxxatur Hennessy, spjega lil Dr. Borg x’ tinvolvi l-organizzazzjoni tal-Presidenza Irlandiża li tintemm fl-aħħar ta’ Ġunju, 2013. Semma fost l-oħrajn l-ammont kbir ta’ laqgħat li għalihom jattendu eluf ta’ delegati, il-budget li ġie allokat għall-Presidenza, in-numru kbir ta’ ġurnalisti li jattendu, kif ukoll l-attivitajiet kulturali li ġew organizzati għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jżuru l-Irlanda fil-perjodu tal-Presidenza.
Spjega wkoll li sa minn sentejn u nofs qabel l-Irlanda waqqfet tlett units, wieħed dwar it-tħejjija tal-policies, unit iehor responsabbli mil-loġisitika u iehor dwar l-istampa u l-mezzi ta’ komunikazzjoni. Minn ħafna xhur qabel ukoll, l-Irlanda ħadet diversi inizjattivi biex tieħu vantaġġ mill-Presidenza ħalli tħajjar l-investiment barrani fil-pajjiż, turiżmu u kultura.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Dr. Borg, filwaqt li rringrazzja lil Ambaxxatur Hennessy għal l-informazzjoni kollha li ipprovdielu, infurmah illi fil-jiem li ġejjin il-Gvern ser iħabbar l-istruttura li ser tieħu ħsieb l-organizzazzjoni tal-Presidenza Maltija. “Għalina dan huwa avveniment ta’ importanza nazzjonali u ghalhekk ser nużaw ir-riżorsi umani kollha disponibbli,” qal Dr. Borg. Huwa nfurmah ukoll li d-Deputat Prim Ministru diġa’ ħabbar pubblikament li fost it-temi li Malta qed tikkunsidra tindirizza waqt il-Presidenza hemm l-importanza taċ-ċittadini fil-qalba tal-Unjoni Ewropea, il-ġlieda kontra l-faqar, il-qawmien ekonomiku u l-immigrazzjoni irregolari.
Fl-aħħar tal-laqgħa l-Ambaxxatur Irlandiż ippreżenta lis-Segretarju Parlamentari Dr. Borg kopja tal-programm ta’ tmintax-il xahar tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ippreprat mill-Irlanda flimkien mal-Litwanja u l-Grecja li għandhom il-Presidenza fit-12-il xahar li ġejjin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en