IL-BELT VALLETTA TIRCIEVI FORMALMENT IT-TITLU TA’ BELT KULTURALI EWROPEJA 2018
Dalgħodu is-Segretarju Parlamentari responsabli mill-Kultura l-Onor. Jose’ Herrera attenda u pparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri responsabli mill-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sports. Il-Kunsill tal-Ministri kien qed jiltaqa bejn il-bieraħ u llum. Il-Qofol ta’ dawn il-jumejn intlaħaq dalgħodu meta s-Segretarju Parlamentari f’isem il-Gvern Malti irċieva t-titlu tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura li issa hija uffiċjalment il-Kapitali Ewropeja tal-Kultura 2018.
F’diskors li għamel qabel il-Belt Valletta kienet ddikjarat bħala l-Kapitali Ewropeja għall-2018 Dr. Herrera tenna s-sodisfazzjon personali tiegħu f’isem il-Gvern u l-poplu Malti u Għawdxi u fl-istess waqt irringrazzja lill-Kunsill tal-Ministri u lill-Kummissjoni Ewropea. Is-Segretarju Parlamentari qal li dan it-titlu ser jiftħilna “opportunitajiet ġodda sabiex nesploraw metodi oħrajn kif inġibu bidla għall-aħjar li tkun xprunata minn attivita kulturali u bidla li tkun sostenibli; li tisħaq fuq l-impatt konkret (legat) li ser tħalli warajha; u li tħares lejn il-ħtigijiet tas-socjeta’ fis-seklu 21 u dan permezz ta’ esplorazzjoni artistika u kulturali”.
Is-Segretarju Parlamentari aċċerta lill-Kunsill tal-Ministri li tħejjijiet ghall-Valletta 2018 mexjin ġmielhom fuq bosta fronti inkluż l-infrastruttura kulturali neċessarja, programmi li jilħqu u jinvolvu lill-komunita’, it-tisħiħ ta’ ftehim u kollaborazzjonijiet Ewropej u Mediterranji kif ukoll tħejjijiet finanzjarji.
Huwa qal li bil-ħidma u l-enerġija tas-socjeta’ ċivili u tal-għaqdiet mhux governattivi, pajjiżna bħalissa qed jesperjenza għadd ta’ inizjattivi meħudin minn individwi u organizazzjonijiet li fuq bażi ta’ kuljum qed iniedu proġetti kulturali u kreattivi ġodda.
Tenna li “l-prestiġju li jiġi minn dan it-titlu ser iżid fina l-ħeġġa u d-determninazzjoni li naraw settur kulturali dinamiku u attiv”. Għalhekk, qal is-Segretarju Parlamentari, dan l-Gvern jinsab ċert li “din l-attivita għandha u ser jibqa jkollha l-benefiċċji għas-soċjeta’ kollha: benefiċċji li jistgħu jitkejlu, bħal dawk ekonomiċi, u benefiċċji soċjali u kulturali intanġibbli li jaf ikollhom valur ikbar”.
Għalhekk huwa qal li l-Gvern Malti qed iħares ‘l quddiem lejn din l-opportunita u esperjenza li għandha twassalna u toħodna lil hinn mill-2018.
Fl-istess Kunsill l-ibliet ta’ Paphos f’Ċipru u t’Aarhus fid-Danimarka irċevew it-titlu ta’ bliet kapitali Ewropej ghall-2017.
Il-Kummissarju Androulla Vassiliou li hija responsabli mill-Kultura fil-Kummissjoni Ewropeja ferħet lill-ibliet li ingħataw it-titlu u awgurat lill-programm kulturali illi qed iħejju ikollu l-kwalita u l-attribwiti kollha biex jagħmel gieħ lit-titlu ta’ Belt Kulturali Ewropeja.
Fis-sessjoni ta’ dalgħodu s-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat mid-Deputat Rappreżentant Permanenti s-Sur Patrick Mifsud, mic-Chairman tal-Fondazzjoni 2018 Jason Micallef u il-Koordinatur tat-Taqsima tal-Kultura u l-Awdjo-Viziv Caldon Mercieca.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en