IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU JISĦAQ FUQ L-IMPORTANZA TA’ SINERĠIJA BEJN L-ENTITAJITET KOLLHA INVOLUTI FIS-SETTUR TURISTIKU
Filwaqt li preżentament jeżistu xejriet pożittivi fis-settur turistiku f’dak li huma numri, dawn mhux qed ikunu riflessa biżżejjed f’oqsma oħra tas-settur bħal żieda ta’ mpjiegi u profitabilità għal-lukandiera. Il-Gvern se jkun qed jaħdem biex titjieb il-profitabilita’ biex it-turiżmu jkompli jissaħħaħ bħala mutur għat-tkabbir ekonomiku.
Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella l-bieraħ waqt l-ewwel laqgħa tal-Bord tad-Diretturi l-ġdid tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Karmenu Vella semma’ kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha tkompli taħdem għal żieda fir-rotot biex Malta tkompli tkun aktar aċċessibli speċjalment fix-xitwa, u qal li kien għal dan il-għan li s-settur tal-avjazzjoni inġieb taħt il-kappa tal-Ministeru għat-Turiżmu.
Il-Ministru għat-Turiżmu elenka diversi prijoritajiet li diġà bdew jiġu indirizzati fosthom l-introduzzjoni tat-tourism wardens f’zoni turistiċi, b’għan speċifiku li jassistu u jgħinu lit-turisti u mhux li jkunu ta’ Pulizija.
Prijorità oħra se tkun dik tal-introduzzjoni tal-hekk imsejħa action teams f’zoni turistiċi li għandhom jindirizzaw problemi li jiltaqgħu magħhom lukandiera, sidien tar-ristoranti, kjosks u operaturi turistiċi.
Saħaq fuq il-bżonn ta’ sinerġija bejn l-entitajiet differenti li jiffurmaw is-settur turistiku, b’importanza partikolari lejn is-sinerġija bejn il-qasam edukattiv u l-bżonnijiet tal-Industrija.
Dwar Għawdex, il-Minsitru Karmenu Vella qal li Għawdex għandu bżonn attenzjoni speċjali u habbar kif diġà kien hemm qbil li jitwaqqaf kumitat t’azzjoni bejn l-MTA u l-GTA.
Il-Ministru Vella semma’ wkoll żewġ avvenimenti kbar li Malta se tkun qed tospita fis-snin li ġejjin, il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017 u l-Valletta 2018 u qal li dawn se jkunu okkażjonijiet uniċi għal pajjiżna fejn jidħol turiżmu.
Fl-ewwel indirizz tiegħu, iċ-Chairman tal-MTA Dr Gavin Gulia tkellem fuq l-importanza tas-sostenibilità tas-settur turistiku, u qal li dan jista’ jintlaħaq billi jkun hemm tnaqqis fl-ispejjeż għall-operaturi u żieda fl-aċċessibilità.
Tkellem dwar l-irwol importanti li għandha l-linja nazzjonali l-Air Malta fejn semma’ kif preżentament tikkontribwixxi mal-50% tas-seat capacity. F’dan ir-rigward semma’ kif il-linji tal-ajru low cost wkoll għandhom importanza għall-industrija turistika u għall-MTA.
Iċ-Chairman tal-MTA Dr Gavin Gulia tkellem ukoll dwar Għawdex u qal li huwa fil-kompitu tal-MTA li tara li r-riżultati miksuba f’Malta b’xi mod ikunu wkoll riflessi għal Għawdex.
Iċ-Chairman tal-MTA żied li trid issir ukoll ħidma biex titnaqqas il-burokrazija żejda li teżisti għall-operaturi turistiċi u li qed twassal għal telf finanzjarju.
Fl-istess laqgħa l-Kap Eżekuttiv tal-MTA Josef Formosa Gauci ta preżentazzjoni ħolistika dwar ix-xejriet turistiċi preżenti fejn jidħlu wasla ta’ passiġġieri u s-swieq li fihom l-MTA qed topera.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en