MINISTRI TAL-UE F’SEJĦA KONĠUNTA LILL-KUMMISSJONI EWROPEA DWAR IL-ĠLIEDA KONTRA D-DISKRIMINAZZJONI FIL-KONFRONT TA’ PERSUNI LGBT
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, qed tieħu sehem fl-ewwel konferenza internazzjonali ta' livell għoli fuq l-emanċipazzjoni tal-persuni LGBT. Il-konferenza qed issir f'The Hague fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija u Transfobija (IDAHO) li huwa kkommemorat kull sena fiż-17 ta’ Mejju.
Il-konferenza, organizzata mill-gvern Olandiż, qed tiddiskuti l-iżviluppi internazzjonali li jinvolvu d-diskriminazzjoni u l-emanċipazzjoni ta' persuni omosesswali, bisesswali u transgender.
Illum (Il-Ħamis 16 Mejju) ministri minn għadd ta' Stati Membri tal-UE iffirmaw dikjarazzjoni konġunta li titlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta approċċ politiku komprensiv f’livell Ewropew dwar kwistjonijiet LGBT, b’mod partikolari dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza fl-isferi kollha tal-ħajja. Din is-sejħa hija l-ewwel pass li permezz tagħha għadd ta' Stati Membri b'mod konġunt qed jesprimu r-rieda tagħhom li jaħdmu flimkien dwar politika fuq temi li jikkonċernaw lill-persuni LGBT u li jitolbu gwida dwar din il-kwistjoni mill-Kummissjoni Ewropea.
Is-sejħa konġunta tgħid li: “azzjoni tal-UE hija meħtieġa biex tikkoordina u tippromwovi sforzi fuq livell tal-UE u biex jinxterdu prattiċi tajba, u biex tappoġġa l-isforzi li jsiru fil-livell nazzjonali biex l-Istati jimxu lejn Ewropa ħielsa mill-omofobija u t-transfobija. Li tieħu azzjoni biex tipprevjeni d-diskriminazzjoni u tiprovdi rimedji tista’ tagħmel differenza mhux biss għall-miljuni ta' ċittadini LGBT fl-Ewropa, iżda għal kulħadd”.
Il-Ministru Dalli qalet li għall-ewwel darba din is-sena, Malta se tkun qed tfakkar uffiċjalment il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija u t-Transfobija. Din il-ġurnata se tkun imfakkra ta’ kull sena.
Dr Dalli qalet li dawk li l-policymakers u l-politiċi huma marbuta li jissettjaw il-politika u jilleġislaw kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluż id-diskriminazzjoni kontra persuni LGBT. Dan għandu jkun b'mod parallel ma’ aktar edukazzjoni sa mill-ewwel snin tal-ħajja ta' persuna.
Il-Ministru Dalli qalet li l-gvern huwa impenjat lejn soċjeta` ġusta fejn kulħadd igawdi drittijiet indaqs.
Dr Dalli żaret kulleġġ (Hofstad Lyceum) fejn l-istudenti u l-edukaturi jħaddnu prattiċi tajba li jiċċelebraw id-diversita` tal-orjentazzjoni sesswali fil-kurrikulu edukattiv, kif ukoll fl-ambjent tal-iskola.
Matul iż-żjara tagħha, il-Ministru Dalli kellha wkoll laqgħa ma’ delegazzjoni tal-International Gay and Lesbian Association ILGA) fl-Ewropa.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en