STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Resits għal dawk li ma għaddewx mill-eżami tas-Servizz Pubbliku
Għall-ewwel darba ħaddiema tas-servizz pubbliku li ma għaddewx mill-eżamijiet ta’ clerks, executive officers, assistant principals, principals u senior principals se jingħataw iċ-ċans li jagħmlu resit tal-eżami.
Dan qed isir wara li nstabu għadd ta’ irregolaritajiet li seħħew f’dawn l-eżamijiet li saru f’Jannar 2013. Dwar dawn l-irregolaritajiet saret investigazzjoni mill-Pulizija.
Filwaqt li l-Gvern il-ġimgħa li għaddiet ippubblika r-riżultati oriġinali, qabel ġew mibdula, inħass il-ħtieġa wkoll li kandidati li ma għaddewx mill-eżami jkollhom l-opportunità jieħdu rimedju għan-nuqqasijiet li seħħew fil-proċess kollu. Il-kandidati għal dawn l-eżamijiet ingħataw ukoll il-fakultà li jagħmlu reviżjoni tal-ezami.
L-applikazzjonijiet għar-resits se jinfetħu nhar l-Erbgħa 22 ta’ Mejju 2013 u se jkunu jistgħu jiġu downloaded minn fuq il-website tad-Dipartiment tal-Eżamijiet jew inkella jinġabru mid-Dipartiment tal-Eżamijiet stess. Aktar tagħrif se jkun qed jingħata l-ġimgħa d-dieħla.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en