IL-LOWCOST HOLIDAYS TRAVEL GROUP MISTENNI JIRDOPPJA L-AMMONT TA’ TURISTI NGLIŻI LEJN MALTA DIN IS-SENA
Meta kien qed jindirizza l-ftuħ ta’ konferenza tal-aġenti tal-ivvjaġġar Lowcost Travel Group, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella tkellem fuq l-importanza tas-suq Ingliż fil-qasam tat-turiżmu.
Semma’ kif Malta għandha għeruq sodi fejn jidħol turiżmu mal-Ingilterra, fejn lura fiż-żmien mat-80% tat-turiżmu kien jiddependi mis-suq Ingliz. Qal li minkejja li llum is-settur turistiku ddiversifika fi swieq ġodda, is-suq Ingliż xorta waħda għadu l-aktar wieħed b’saħħtu, fejn jgħodd mal-31% tat-turisti kollha li jaslu f’Malta. Dan isarraf f’madwar 440,000 turist Ingliż lejn Malta kull sena, tant li huwa d-doppju ta’ kemm Malta jirnexxiela tattira turisti mill-Italja.
Meta tkellem fuq l-operat tal-Lowcost Holidays Travel Group, il-Ministru Karmenu Vella faħħar il-mod ta’ kif il-kumpanija rnexxiela tikber f’dawn l-aħħar disa’ snin li ilha fis-suq. Semma’ kif minkejja l-bidliet li qed iseħħu fil-mod ta’ kif in-nies jivvjaġġaw, il-kumpanija rnexxiela tinseġ il-benefiċċi tradizzjonali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar mal-mod modern ta’ kif jinbiegħu il-btajjel b’mod online.
Fi kliem il-Ministru Vella, din il-formula taħdem peress li tagħti ċertu flessibilità u libertà lil min irid jivvjaġġa li jifformula hu l-bżonnijiet partikolari tiegħu, fl-istess ħin li jieħu l-massimu mill-vantaġġi ta’ operatur kbir turistiku.
F’dan ir-rigward, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella semma’ kif għal din is-sena, il-kumpanija mistennija tirdoppja n-numru ta’ turisti Ngliżi li se ġġib lejn Malta minn 30,000 għal 60,000 turist, biċ-ċifra mistennija titla għal 75,000 is-sena d-dieħla.
Il-Ministru għat-Turiżmu ddeskriva l-qasam turistiku bħala mutur ewlieni għall-ekonomija Maltija, b’kontribut dirett ta’ 15% u dak indirett ta’ 35%. Semma’ kif it-turiżmu qed jinbidel kull ġurnata u għaldaqstant, kull settur jibqa’ importanti, mhux lanqas dak tal-operaturi turistiċi u tal-aġenti tal-ivvjaġġar.
“Irridu nkomplu nikbru flimkien” temm jgħid il-Ministru Karmenu Vella, fejn sostna li kull operatur turistiku għandu rwol importanti x’jaqdi, dik li fost l-oħrajn ikun ambaxxatur ta’ Malta hekk kif ikun hu l-ewwel punt ta’ riferiment ma’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en