“IS-SETTUR PRIVAT GĦANDU RWOL IMPORTANTI X’JILGĦAB FL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI” – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
F’laqgħa li kellu mal-Malta Institute of Management fuq talba tagħhom stess, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li għalkemm il-Gvernijiet għandhom piż kbir xi jġorru, biex jiżguraw li l-iżvilupp sostenibbli jitħaddem fil-prattika, is-settur maniġerjali u dak privat għandhom rwol daqstant ieħor importanti x’jilgħabu f’dan il-qasam.
Tant li illum il-kunċett ta’ Corporate Sustainable Development qed jitqies bħala komponent ewlieni tal-Corporate Social Responsibility li f’dawn l-aħħar snin infirex madwar industriji, intrapriżi u entitajiet kummerċjali ta’ kull daqs u ġeneru.
Il-Ministru Brincat fakkar kif fis-Summit dwar l-Iżvilupp Sostenibbli RIO +20 kien hemm saħansitra Corporate Sustainability Forum li saħaq dwar rwol akbar u aktar effettiv mis-settur privat fejn jidħol l-element sostenibbli kemm mill-aspett ambjentali, ekonomiku u soċjali.
Hemmhekk qal il-Ministru, ġie meqjus u maqbul li impenn akbar f’dan il-qasam jista’ jwassal biss għal valur miżjud u li jkun ta’ benefiċċju u ta’ ġid għall-intrapriżi infushom aktar milli bħala piż ġdid fuqhom. Il-Ministru Leo Brincat qal li l-Unjoni Ewropeja nnifisha hija tal-fehma li biex ikollok ekonomija sostenibbli l-qasam tan-negozju, tal-kummerċ u tal-intrapriża privata għandhom ikunu ċ-ċavetta għal dan kollu.
Minn naħa l-oħra l-President tal-Malta Institute of Management Reuben Buttiġieġ u l-General Manager Omar Vella spjegaw li bħala istitut ilhom żmien twil jaħdmu biex f’pajjiżna jiddaħħal l-element tas-sostenibbilità u l-Green Management u huma stess ħadu diversi inizjattivi f’dan ir-rigward fosthom meta trattaw l-Islamic Finance.
Irringrazzjaw lill-Ministru Brincat għall-appoġġ li kien tahom dakinar u għarfu lill-Ministru li bħalissa jinsabu impenjati serjament biex inhiedu taħriġ terzjarju fil-qasam tal-Green Management.
Qalu li l-Malta Institute of Management lest li jappoġġja kull inizjattiva li jieħu l-Gvern fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, għaliex b’diżappunt jinnota li f’pajjiżna s-sostenibbilità- li apparti dimensjoni ambjentali għandha ukoll dimensjoni ekonomika, soċjali – m’hemmx għarfien qawwi dwarha fost iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Il-Malta Institute of Management laqa’ b’mod tajjeb l-inkoraġġiment tal-Gvern Malti favur it-tisħiħ tal-iżvilupp sostenibbli fis-setturi ekonomiċi li l-Ġnus Magħquda tirreferi għalihom bħala Corporate Sustainable Development.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en