STQARRIJA KONĠUNTA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABILITÀU ANZJANITÀ ATTIVA
Imħabbar Bord ta’ tmexxija f’San Vinċenz de Paul
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’San Vinċenz de Paul, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Marie-Louise Coleiro Preca flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Franco Mercieca, ħabbru struttura ġdida ta’ tmexxija fi ħdan San Vinċenz de Paul.
L-istruttura hija komposta mill-eks Imħallef Dr Philip Sciberras fil-kariga ta’ Chairperson, id-Deputat Chairperson Dr Marcon Ali, il-Kap Eżekuttiv Dr Josianne Cutajar u l-erba’ membri Dr Gunther Abela, Dr Marvin Formosa, Mr Geatano Mercieca u l-Perit Chris Grech.
L-Onorevoli Coleiro Preca fissret din l-istruttura l-ġdida bħala waħda maħsuba biex tipprovdi aktar servizzi ta’ kwalità lill-anzjani li għandhom dipendenza għolja.
Qalet li r-riżorsi f’din ir-residenza għandhom jagħtu l-valur tal-flus imħallsa mit-taxxi tal-poplu filwaqt li tintlaħaq il-mira tas-sostenibbiltà f’dan il-qasam.
L-Onorevoli Coleiro Preca saħqet li din hija biss l-ewwel minn sensiela ta’ riformi maħsuba biex jagħtu vuċi u viżibilità lill-anzjani u l-ħtiġijiet tagħhom.
Riformi, qalet il-Ministru, li jaraw il-parteċipazzjoni tal-anzjani fit-tfassil tal-policies, għaliex dan huwa Gvern li jisma’, jaħdem u jwettaq.
Min-naħa tiegħu, l-Onorevoli Segretarju Parlamentari Franco Mercieca qal li wara perjodu ta’ ftit ġimgħat li matulhom ġiet analizzata s-sitwazzjoni f’San Vinċenz de Paul, ħassew il-bżonn ta’ struttura aktar b’saħħitha fit-tmexxija.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li minħabba s-servizzi varji li joffri, raw il-bżonn ta’ struttura ta’ maniġment aktar b’saħħitha minn dik eżistenti.
Huwa saħaq li San Vinċenz de Paul għandu jkun il-post li jilqa’ fih pazjenti li ma jistgħux jibqħu jgħixu fil-komunità u fid-djar tagħhom, iżda jridu jkomplu l-kontinwità tal-long-term care.
Għalhekk qal li huwa importanti li jinħolqu strutturi ta’ protokolli li permezz tagħhom il-pazjenti jkunu jistgħu jitqassmu aħjar.
Temmew jgħidu li din hija biss waħda mill-ħolqa ta’ riformi f’dan il-qasam.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en