IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU F’LAQGĦA MAT-TMEXXIJA TAL-GWU
Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella kellu laqgħa mat-tmexxija tal-GWU.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb qal li t-turiżmu huwa pilastru mill-aktar importanti u jrid attenzjoni speċjali. Semma l-esperjenza tal-union fil-kumpless Danish Village u qal li qed issir ħidma biex jinġiebu turisti mid-Danimarka u mill-pajjiżi Nordiċi fil-perjodu tas-shoulder months. Tony Zarb ilmenta kif minkejja li dan il-kumpless jixtieq ikabbar, qed iħabbat wiċċu ma’ ħafna burokrazija.
Tkellem ukoll fuq il-problema tax-xogħol prekarju u qal li s-settur tat-turiżmu wkoll qed isofri minn dan, speċjalment fejn hemm ħaddiema barranin li jaħdmu fil-lukandi.
Dwar il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, Tony Zarb semma kif bħalissa għaddejjin b’diskussjonijiet mal-kumpanija dwar il-ħinijiet tax-xiftijiet sabiex dawn ikunu aktar diċenti għall-ħaddiema.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU ħabbar ukoll kif il-union mistennija tagħmel talba għal rikonoxximent trejdjunjonistiku fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi l-ITS.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella tkellem dwar l-andament turistiku u qal li filwaqt li bħalissa jeżisti trend pożittiv fejn jidħlu numri, dan mhux qed ikun rifless biżżejjed fejn jidħlu affarijiet oħra fosthom profitabilità.
Tkellem fost l-oħrajn fuq ir-ristrutturar tal-Ministeru u semma kif is-settur tal-avjazzjoni qed jingħata importanza kbira.
Karmenu Vella faħħar il-ħidma tal-union fil-qasam turistiku u qal li din kienet waħda mill-pijunieri li tat is-sehem tagħha fosthom fil-kumpless tad-Danish Village u anke għall-mod kif iddefendiet l-interessi tal-ħaddiema.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en