STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIĊERKA, INNOVAZZJONI, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT
Gvern li jagħti vuċi u viżibilità lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna
Il-Gvern huwa kommess li jagħti vuċi u viżibilità lit-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Dan qaluh il-Ministru Marie-Louise Coleiro Preca u Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo waqt is-seminar ‘Leisure Trends Among Young People’ organizzat mill-Aġenzija Żgħażagħ u mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal li matulu ġie ppreżentat studju dwar il-ħin liberu.
Il-Ministru Coleiro Preca qalet li turija ta’ dan huwa t-twaqqif ta’ Forum Nazzjonali dwar il-Familja fil-jiem li ġejjin, li l-għan tiegħu huwa li jiddiskuti b’mod regolari liġijiet li jaffettwaw lill-familji.
B’referenza diretta għall-ħin liberu, l-Onorevoli Coleiro Preca qalet li dan huwa kruċjali fl-iżvilupp tal-karattru u tal-personalità tat-tfal filwaqt li jnaqqas l-istress minn fuq l-adulti.
Fissret il-ħin ta’ rikreazzjoni bħala dritt għal kull individwu, għalhekk, qalet il-Ministru Coleiro Preca, li għandu jkun hemm struttura effettiva ta’ work-life balance.
L-Onorevoli Coleiro Preca qalet li l-Gvern jassigura dan il-bilanċ billi jsaħħaħ il-miżuri favur il-familja u l-flessibilità fuq il-post tax-xogħol.
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali wriet it-tħassib tagħha għar-riżultati ta’ dan l-istudju fejn ħareġ li l-persentaġġ ta’ persuni li jqattgħu ħin fuq social networking sites huwa d-doppju tal-persentaġġ ta’ persuni li jagħmlu eżerċizzju fiżiku.
Hawnhekk għamlet emfasi dwar il-ħtieġa ta’ healthy leisure għall-ġid tas-soċjetà Maltija.
Min-naħa tiegħu l-Onorevoli Stefan Buontempo saħaq dwar il-bżonn li tiddaħħal kultura ta’ attività fiżika fiż-żgħażagħ biex b’hekk is-soċjetà tkun aktar b’saħħitha fiżikament, mentalment u emozzjonalment.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, qal li riċerka bħal din għandha rilevanza kbira għax tagħti stampa ċara ta’ kif iz-żgħażagħ iqattgħu l-ħin liberu tagħhom u b’hekk ikollna indikazzjoni ta’ kif is-soċjetà Maltija qed tiżviluppa.
Saħaq li din ir-riċerka mhux se titpoġġa fuq xi xkaffa tiġbor it-trab, imma se tkun il-bidu ta’ proċess fejn l-istakeholders kollha, jaħdmu flimkien biex jaraw x’servizzi se jkun hemm bżonn fil-futur li jindirizzaw dawk il-karatteristiċi li qed joħorġu minn din ir-riċerka.
Qal li jeħtieg li naraw ukoll x’miżuri hemm bżonn biex intejbu l-livell ta’ kwalità tal-ħin liberu taż-żgħażagħ tagħna.
Filwaqt li rringrazzja lil kull min ta s-sehem tiegħu f’din ir-riċerka Dr Buontempo qal li permezz ta’ dan l-istudju l-organizzazzjonijiet konċernati ser ikunu f’pożizzjoni li jfasslu strateġija aktar infurmata.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en