LOUIS GRECH LILL-ISTUDENTI - “IL-FUTUR TAL-EWROPA TAGĦMLUH INTOM”
“Qed tirtu Ewropa li hi inqas b’saħħitha minn kif kienet. Imma għandkom l-opportunità li dan tbiddluh. Kunu intom li tiddeterminaw il-futur ta’ din l-Unjoni. L-Unjoni Ewropea użat il-kriżijiet tal-passat biex tissaħħaħ, l-istess ser tagħmel din d-darba”.
Kien dan il-messaġġ li wassal dalgħodu d-Deputat Prim Ministru Louis Grech fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa.
Waqt l-intervent tiegħu f’attività organizzata mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew f’Malta, id-Deputat Prim Ministru, li hu wkoll responsabbli mill-Affarijiet Ewropej, wieġeb mistoqsija li saritlu minn studenta tas-Sekondarja tal-Bniet fil-Kulleġġ ta’ Għawdex. Lola Evans Pepin staqsiet dwar kif l-Ewropa għandha tuża l-prinċipji li ggwidawha fil-passat biex taffaċċja l-isfidi ekonomiċi li għandha quddiemha llum.
Fit-tweġiba tiegħu d-Deputat Prim Ministru, għamel referenza għal diversi valuri sinonimi mal-Unjoni Ewropea fosthom s-sussidjarjetà, s-solidarjetà u l-integrazzjoni, u kif dawn għandna nużawhom bħala għodda biex niżblokkaw il-kriżi ekonomika u finanzjarja.
Qal li jemmen li għandu jkun hemm s-solidarjetà vera bejn il-pajjiżi u li din ma żdieditx bl-istess rata li biha żdiedu l-pajjiżi tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra saħaq li filwaqt li s-solidarjetà hemm bżonnha, fuq livell ekonomiku xorta għandu jkun hemm azzjoni deċiżiva biex issolvi l-problemi għat-tul.
Hawnhekk tkellem dwar kif il-kriżi ħolqot il-qgħad, ċekknet l-ekonomiji u naqqret mill-kundizzjonijiet socjali tal-ħaddiema u kif dan kollu għandu jitwaqqaf. “Għandna nieħdu deċiżjonijiet għal dixxipplina fuq il-banek u nimplimentaw il-Compact for Growth and Jobs, u mhux niddependu biss mill-mizuri t’awsterità fuq iċ-ċittadin anonimu” sostna d-Deputat Prim Ministru.
Żied li l-Ewropa għandha titgħallem minn din r-riċessjoni u ma tilludix ruħha li kollox ikun sew għaliex jidher hekk minn barra.
Spjega kif il-valur tas-sussidjarjetà għandna ninterpretawh billi nsibu bilanċ bejn il-prijoritajiet tat-tmexxija ċentrali minn Brussell u l-bżonnijiet individwali u speċifiċi ta’ kull pajjiż membru. Qal li d-dixxipplina hemm bżonnha iżda li din m’għandiex tiġi għas-skapitu tar-realtajiet speċifiċi fil-pajjiżi membri.
Tkellem wkoll dwar kunċetti oħra bażilari bħalma huma l-ugwaljanza bejn l-istati membri u l-moviment ħieles tal-ħaddiema u ċ-ċittadini Ewropej. Dwar dan tal-aħħar qajjem mistoqsijiet dwar l-orjentament li qed jiżviluppa f’xi pajjiżi għal restrizzjonijiet akbar fuq il-moviment tal-ħaddiema.
Id-Deputat Prim Ministru temm l-intervent tiegħu b’messaġġ ta’ inkoraġġament lill-istudenti preżenti biex jinvolvu ruħhom fil-ħajja tal-Unjoni Ewropea fejn irrepeta li għandhom ikunu l-istess ċittadini li jfasslu l-Ewropa li jixtiequ jaraw.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en