IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JIPPRESJEDI Ċ-ĊERIMONJA TAL-GĦOTI TAĊ-ĊERTIFIKATI TA’ TMIEM IL-KORS INDEPENDENT LIVING SKILLS
Il-President George Abela akkumpanjat mill-Onor. Marie Louise Coleiro Preca Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u l-Onor. Franco Mercieca, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, ppresjeda ċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikati ta’ tmiem il-kors Independent living skills taħt is-superviżjoni tal-Provision Solutions Ltd ta’ Birmingham. Dan il-kors li ilu għaddej għal diversi xhur kien issapportjat finanzjarjament mill-Malta Community Chest Fund u serva sabiex persuni li neqsin mid-dawl ingħataw taħriġ sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja iktar indipendenti.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva l-Onor Franco Mercieca tkellem dwar l-importanza tal-prevenzjoni fejn irrimarka li l-marda tad-dijabete hija l-kawża ewlenija tad-diżabilità viżwali u t-telf tad-dawl.
L-Onor. Mercieca qal li għalhekk huwa importanti li jsir ‘screen’ tal-popolazzjoni b’mod tajjeb b’rabta ma’ problemi fl-għajnejn. Huwa qal li l-problemi ewlenin bħalma hija l-glawkoma fl-anzjani, huma kundizzjonijiet li jistgħu jiġu skrinjati u ttrattati permezz ta’ trattamenti effettivi ħafna.
L-Onor. Segretarju Parlamentari żied jgħid li minkejja l-prevenzjonijiet kollha li nistgħu nieħdu, xorta waħda rridu niffaċċjaw problemi ta’ persuni li jibdew jitilfu d-dawl ta’ għajnejhom. Saħaq li għalhekk irridu ntejbu s-servizzi f’Malta u li jkollna nies li jgħinu lil dawn il-pazjenti biex jidħlu f’din il-problema u jgħinuhom jaċċettaw din is-sitwazzjoni ġdida f’ħajjithom.
“Din mhix sitwazzjoni faċli biex taccettaha u għalhekk il-ħtieġa li nipprovdu servizzi li jgħinuhom biex jintegraw fil-komunità,” saħaq l-Onor. Mercieca.
Huwa faħħar ukoll l-inizjattiva meħuda mill-Malta Blind Society u l-għajnuna mogħtija mill-MCCF fejn sostna li kawżi bħal dawn huma essenzjali għal dawn l-individwi biex jgħixu b’mod indipendenti. Huwa saħaq li dawn l-inizjattivi huma importanti biex jgħallmu l-ħiliet meħtieġa li jippermettulhom li jkomplu jgħixu b’mod indipendenti, li huwa essenzjali għal kull individwu biex ikollu ħajja dinjituża.
Huwa tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ koperazzjoni bejn l-għaqdiet mhux governattivi. Saħaq li l-fragmentazzjoni bejn l-NGOs hija ħażina ħafna u għalhekk huwa essenzjali li dawk kollha li għandhom din il-kundizzjoni jingħaqdu u jaħdmu flimkien biex jiġġieldu din l-istess kawża.
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Marie-Louise Coleiro Preca rrimarkat kif l-inizzjattiva tal-Malta Society of the Blind u l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund li iffinanzja dan il-programm ta’ taħriġ dwar independent living għenu sabiex il-persuni nieqsa mid-dawl jiżvillupaw ahjar independent living skills.
Coleiro Preca qalet li l-persuni nieqsa mid-dawl għandhom id-dritt li jgħixu ħajja aktar indipendenti f’soċjetà li ma jħossuhomx esklużi minna.
L-Onorevoli Coleiro Preca qalet li l-Gvern jemmen fl-abiltajiet differenti tal-persuni b’diżabilità. Saħqet kif flimkien għaqdiet mhux governattivi u s-settur privat irridu naħdmu sabiex nappoġġjaw inizzjattivi li għandhom jagħmlu titjib fis-settur tad-diżabilità f’pajjiżna.
Il-Ministru temmet tgħid li f’dan il-qasam irridu naħdmu b’sinerġija’ flimkien sabiex persuni b’diżabilitajiet differenti jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar u tassew dinjituża.
F’kelmtejn tal-għeluq il-President George Abela ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex ikun konxju u sensittiv lejn persuni li għandhom abbiltajiet differenti. Kompla jgħid li tinħtieġ iktar edukazzjoni sabiex nifhmu l-ħtiġijiet ta’ persuni neqsin mid-dawl. “Dan kien l-ewwel pass u irnexxa b’suċċess u l-Malta Community Chest Fund tibqa’ tagħti sapport lil dawn it-tip ta’ inizjattivi – fejn il-ħajja ta’ persuna tkun dejjem għall-aħjar b’dawn ix-xorta ta’ tagħlim” temm jgħid il-President Abela filwaqt li rringrazzja lill-Ministru Coleiro Preca u lis-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca tal-ħidma tagħhom f’dan il-qasam u waqt li saħaq dwar il-ħtieġa li wieħed ikun jista’ jgħix ħajja iktar indipendenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en