IL-POPLU JRID IKOLLU AKTAR GĦARFIEN BIEX IKUN JISTA’ JIBBENIFIKA MILL-OPPORTUNITAJIET TAĊ-ĊITTADINANZA EWROPEA
Waqt dibattitu għall-istudenti fil-livell sekondarju fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli qalet li n-nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet, l-opportunitajiet, kif ukoll l-obbligi li ġġib magħha ċ-ċittadinanza Ewropea, jwassal biex iċ-ċittadini ma jħossuhomx parti integrali mill-Unjoni Ewropea, u ma jħossux li l-UE qiegħda verament tirrappreżentahom. B’riżultat ta’ dan, il-poplu tagħna ma jisfruttax biżżejjed l-opportunitajiet li għandu quddiemu.
Il-Ministru Dalli, li għandha r-responsabbilta` tal-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC), qalet li matul din is-sena l-MEUSAC se jkun qed jorganizza diversi attivitajiet ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar l-opportunitajiet taċ-ċittadinanza Ewropea. Madankollu Dr Dalli saħqet fuq il-ħtieġa li strutturi bħall-MEUSAC jissaħħu biex dawn ikunu verament effettivi fid-disseminazzjoni tal-komunikazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini.
Dr Dalli tkellmet ukoll dwar l-importanza li l-pubbliku juri interess akbar fid-diskussjoni li tkun għaddejja dwar materji li jolqtu lilu fil-ħajja ta’ kuljum. Il-Ministru Dalli ħeġġet lill-istudenti preżenti biex jieħdu sehem attiv fid-dibattiti u fl-attivitajiet li jkunu organizzati. Hi qalet li huwa ta’ importanza kbira li s-soċjeta` ċivili jkollha sehem attiv biex pajjiżna jisfrutta l-opportunitajiet kollha tas-sħubija fl-UE.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en