Left arrow Mur Lura

KOMMESSI LI Ċ-ĊENTRU L-ĠDID TAL-ONKOLOĠIJA JIFTAĦ FIT-TIENI KWART TAS-SENA 2014, FILWAQT LI GWIDA ĊARA MINN ESPERTI FIL-QASAM TAL-FONDI EWROPEJ TASSIGURA SUĊĊESS FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROĠETTI

pr0936
Date Icon 08/05/2013

“B’ħidma li bdiet mill-ewwel jiem ta’ Gvern ġdid, ix-xogħol fuq il-proġett tal-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija fl-Isptar Mater Dei, li kien waqa’ lura b’4 xhur, issa miexi b’rittmu mgħaġġel u mistenni jkun lest fit-tieni kwart tas-sena d-dieħla, skond it-tiemframe previst.

Dan sostnieħ il-Ministru għas-saħħa, Dr. Godfrey Farrugia li flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej, Dr. Ian Borg, illum żaru l-proġett tal-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija fl-Isptar Mater Dei, proġett li huwa iffinanzjat minn fondi Ewropej.

Il-Ministru Farrugia spjega li għalhekk, fit-tieni kwart tas-sena d-dieħla, tibda l-migrazzjoni mill-Isptar Boffa lejn l-isptar il-ġdid. L-isptar tal-Onkoloġija, li se jiswa 54 miljun Ewro, se jilqa’ fih ukoll dik li llum hija magħrufa bħala r-Rainbow Ward li tinsab fl-isptar Mater Dei u wkoll is-swali tal-Hematoloġija.

Il-ħidma tal-Ministeru għas-Saħħa marbuta mal-isptar il-ġdid issarrfet ukoll f’żieda ta’ sodod minn kif kien ippjanat, biex issa dan l-isptar se jkollu 104 sodod.

Fejn jidħlu riżorsi umani, l-isptar il-ġdid se joħloq minimu ta’ 96 impjieg ġdid, bejn radiographers, medical physicists, tobba, nurses u spiżjara, filwaqt li diġa ntbagħtu 6 esperti fil-medical physics biex jispeċjaliżżaw barra minn pajjiżna.

Dr. Godfrey Farrugia qal li se jsir upgrade tal-apparat speċjaliżżat biex f’pajjiżna jkollna firxa usa ta’ servizz u aktar teknika biex neqirdu l-marda qerrieda tal-kanċer.

Il-Ministru għas-Saħħa fakkar li l-gvern huwa kommess bil-manifest elettorali li l-Isptar il-ġdid tal-Onkoloġija joffi onkoloġija speċjaliżżata u jkun ukoll punt ta’ referenza fl-Ewropa.

Dr. Godfrey Farrugia spjega li taħt l-amministrazzjoni preċedenti, kien hemm stima li l-Pjan Nazzjonali għall-Kanċer jiswa 2.58 miljun Ewro, imma fil-baġit ġew ivvotati biss 800 elf Ewro, differenza ta’ 1.78 miljun Ewro. Dawn il-fondi se jagħmel tajjeb għalihom il-gvern, biex fost oħrajn, il-proġett ikompli għaddej mill-aspett ta’ riżorsi umani.

Min naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Presidenza 2017 u Fondi Ewropej Dr. Ian Borg sostna li “gwida ċara minn esperti fil-qasam tal-fondi Ewropej tassigura suċċess fl-implimentazzjoni ta’ proġetti iffinanzjati minn dawn l-istess fondi”.

Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid illi l-bini tac-Centru tal-Onkologija huwa eżempju ċar ta’ din it-tip ta’ gwida ċara fl-implimentazzjoni ta’ proġetti iffinanzjati minn fondi Ewropej. Waqt it-twettieq ta’ dan il-proġett, il-benefiċjarju dejjem kellu l-għajnuna neċessarja mill-Managing Authority tal-Priorities and Programmes Co-ordination Division (PPCD) dwar kif għandu jamministra dawn il-fondi kif ukoll għajnuna waqt diffikultajiet li setgħu inqalgħu waqt il-proċess ta’ implimentazzjoni.

Dr. Borg qal li dawn iz-żjarat fuq proġetti iffinanzjati minn  fondi ewropej servew mhux biss biex jitfakkar id-disa’ sena minn meta Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea, izda wkoll biex inwasslu  messaġġ ċar lil dawk in-nies u għaqdiet mhux governattivi li fil-passat setgħu iltaqghu ma’ problemi waqt l-implimentazzjoni ta’ xi proġett li applikaw għalih għax ħabbtu wiċċhom ma’ proċess burokratiku,  biex ma jaqtghux qalbhom, għax is-Segretarjat responsabbli mill-Fondi Ewropej huwa kommess li jkun hemm l-istrutturi neċessarji biex il-proċess ta’ implimentazzjoni ikun iffaċilitat.

Is-Segretarju Parlamentari spjega kif dan il-proġett ibbenefika minn madwar €44 miljun f’fondi ewropej taħt l-European Regional Development Fund (ERDF).  Dan ifisser li iktar minn 80 fil-mija mill-ispiża totali tal-proġett sejra tiġi finanzjata minn Fondi Ewropej. Dr. Borg qal li dan il-proġett ser jgħin fil-ġlieda konta l-marda tal-kanċer. Kompla jghid  li waqt il-konsultazzjoni għat-tfassil tal-programm finanzjarju l-ġdid 2014-2020 huwa, flimkien mal-Ministru għas-Saħħa ser ikunu f’ kuntatt kontinwu biex flimkien jaraw x’allokazzjoni ta’ fondi jistgħu jsiru b’risq din il-kawża.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow