GĦAJNUNA FINANZJARJA T’AKTAR MINN €200,000 LIL 18-IL KUNSILL LOKALI
Dalgħodu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u Kunsilli Lokali l-Onor. José Herrera qassam ‘l fuq minn €200,000 lil 18-il Kunsill Lokali u Kumitat Amministrattivi differenti bħala għajnuna għax-xogħol li għamlu fuq diversi proġetti relatati mal-enerġija, l-aċċessibbiltà u tisbiħ fil-lokalitajiet. Huwa qassam dawn iċ-ċekkijiet fil-Kunsill Lokali tal-Marsa li kien wieħed minn dawk il-Kunsilli Lokali li ggwadanja minn dawn l-għotjiet ħalli jkun jista’ jintroduċi sistema ta’ panelli fotovoltajiċi. Dan il-proġett, spjega s-Segretarju Parlamentari, ser jgħin lill-Kunsill Lokali tal-Marsa jnaqqas l-ispiża tiegħu fuq l-użu tal-enerġija.
Tnaqqis fl-allokazjoni finanzjarja għas-sena 2013
Huwa tkellem dwar it-tnaqqis fl-allokazjoni finanzjarja għas-sena 2013. L-Onor. Herrera spjega li dan it-tnaqqis kien dovut mill-fatt li l-allokazzjoni finanzjarja fil-budget li pprepara l-Gvern preċedenti kienet ta’ nofs miljun ewro anqas. Fil-fatt huwa qal li l-allokazzjoni finanzjarja tas-sena l-oħra kienet ta’ €31.5 miljun filwaqt li ta’ din is-sena kienet ta’ €31 miljun, jiġifieri nofs miljun ewro anqas. Biex itaffi din il-problema finanzjarja, il-Gvern, qal Herrera, ħa deċiżjoni li l-ammont li l-Kunsilli Lokali jridu jħallsu f’tipping fees lill-WasteServ jonqos b’nofs miljun ewro. B’hekk qal José Herrera l-Gvern ħa deċiżjoni konkreta biex itaffi din il-problema u l-piż ma jġorruhx il-Kunsilli Lokali.
Huwa qal li l-Ministeru tiegħu qed jieħu bis-serjetà s-sitwazzjoni finanzjarja li jinsabu fiha l-Kunsilli Lokali u għalhekk ser ikun qiegħed jikkommissjona rapport dwar il-bżonnijiet u r-riżorsi li għandhom il-Kunsilli Lokali meta mqabbel mar-responsabbilitajiet. Huwa qal li b’dan il-mod biss il-Gvern jista’ jtejjeb ir-riżorsi li għandhom il-Kunsilli Lokali ħalli b’hekk jaqdu d-doveri tagħhom.
Proġetti fl-interess tal-komunità
Dwar il-proġetti li għalihom il-Kunsilli Lokali ibbenefikaw il-flus, Dr. Herrera qal li dawn ser iħallu effett ukoll fuq livell nazzjonali speċjalment dawk li huma relatati mal-enerġija. Dan kollu, qal Herrera, sar fl-isfond mal-obbligi li daħal għalihom pajjiżna sabiex sal-2020 flimkien mal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea jnaqqas l-emissjonijiet li nipproduċu fl-enerġija b’20%.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Sindku tal-Marsa s-Sur Frans Debono, id-Direttur għall-Kunsilli Lokali s-Sur Carmelo Abela u l-advisor tal-ministeru fuq il-Kunsilli Lokali s-Sur Michael Cohen.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en