NOTTE GOZITANA F’ GĦAWDEX FI TMIEM DIN IL-ĠIMGĦA
F’Għawdex għaddejjin l-aħħar preparamenti biex fi tmiem din il-ġimgħa tittella’ edizzjoni oħra ta’ Lejlet Lapsi – Notte Gozitana - mill-Ministeru għal Għawdex. Dan l-avveniment, li ser isir bejn l-10 u t-12 ta’ Mejju, huwa mmirat biex joħloq okkażjoni ta’ attrazzjoni ta’ turiżmu intern u biex jiġi mkabbar l-aspett kulturali ta’ din il-Gżira.
Għal dan il-għan, il-programm li ġie ppreparat huwa wieħed li jolqot il-gosti ta’ kull kategorija u ser jimla l-iljieli ta’ tmiem il-ġimgħa b’kulur u spettaklu.
Il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju, l-attrazzjoni prinċipali ser tkun ir-re-enectment tal-istorja ta’ Għawdex bl-isem “Lejn il-Milja taż-żmien” - din l-attività ser tinvolvi diversi gruppi ta’ drama Għawdxin.
Is-Sibt imbagħad l-attrazzjoni prinċipali hija l-ispettaklu “Ġensna in Concert”, bil-parteċipazzjoni ta’ Orkestra Live, kantanti solisti, kor u żfin. Dan il-kunċert, li d-dħul għalih huwa b’xejn, ser jittella’ fi Pjazza Indipendenza.
Il-Ħadd imbagħad dawn l-attivitajiet jiġu fi tmiemhom b’kunċert minn National Youth Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Vella, fil-bażilika ta’ San Ġorġ.
Barra minn dawn l-attivitajiet prinċipali hemm diversi attivitajiet oħra kif ukoll wirjiet ta’ artisti magħrufa fosthom ta’ H.M. Bateman fil-Ministeru għal Għawdex, xogħlijiet ta’ Giuseppe Briffa fil-Banca Giuratale u oħra ta’ diversi artisti kontemporanji koordinata minn Austin Camilleri, fis-sala tas-Sentinella, fiċ-Ċittadella.
Chillout areas għaż-żgħażagħ ma jonqsux u l-attrazzjoni speċjali hija l-Kunċert nhar il-Ġimgħa tal-grupp Airport Impressions li ser jittella’ fi Pjazza San Franġisk.
Matul dawn il-ġranet il-Gozo Channel qed toffri s-servizz b’xejn il-Ġimgħa 10 u s-Sibt 11 ta’ Mejju mal-vapuri bejn id-8.45pm u s-1.15am. It-trasport pubbliku wkoll ser iżid fil-frekwenza tiegħu sabiex jagħmel aktar faċli li wieħed jasal Victoria u lura fl-iktar ħin komdu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en