IL-KWISTJONI TAL-AŻIL U L-IMMIGRAZZJONI FUQ L-AGENDA TAL-LAQGĦA BEJN L-AMBAXXATUR OLANDIŻ U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI DR. IAN BORG
Il-kwistjoni tal-ażil u l-immigrazzjoni kienu fost is-suġġetti diskussi f’laqgħa bejn is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-EU 2017 u għall-Fondi Ewropej, Dr. Ian Borg u l-Ambaxxatur tal-Olanda għal Malta Ir. Robert J. Gabriëlse. Kemm Dr. Borg kif ukoll l-Ambaxxtur Gabrielse qablu li dawn huma kwistjonijiet li jinteressaw mill-qrib liż-żewg pajjiżi kif ukoll lill-pajjiżi oħra ewropej.
Din il-laqgħa hija waħda minn sensiela ta’ laqgħat illi s-Segretarju Parlamentari Dr. Ian Borg qed ikollu ma’ Ambaxxaturi ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropeja bi tħejjija għal-laqgħa tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja li se ssir Malta fl-ewwel sitt xhur tal-2017. L-Olanda ser ikollha l-Presidenza fl-ewwel sitt xhur tal-2016 u għalhekk tifforma parti minn dik li tissejjaħ it-Troika flimkien mas-Slovakkja.
Matul il-laqgħa ta’ dalgħodu ġew diskussi wkoll aspetti politiċi kif ukoll loġistici marbuta mal-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja. Dr. Borg informa lill-Ambaxxatur bit-temi li Malta bi ħsieba tindirizza matul il-Presidenza tagħha u li tħabbru mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għal Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali Louis Grech fil-laqgħa ta’ djalogu li saret nhar is-Sibt li għadda fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa.
L-Onor. Ian Borg spjega kif lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar, se jkun qiegħed iżur l-Irlanda li bħalissa għandha f’idejha l-Presidenza biex jipparteċipa f’numru ta’ laqgħat interni dwar il-preparamenti meħtieġa qabel u waqt il-Presidenza. Min-naħa tiegħu l-Ambaxxatur Olandiż estenda l-għajnuna ta’ pajjiżu lil Malta bi tħejjija għal dan l-appuntament importanti u qal li qed iħares ‘il quddiem biex iż-żewg pajjiżi jaħdmu flimkien.
Intant, id-diskussjoni kompliet dwar ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Olanda f’diversi oqsma, l-ħidma tal-Unjoni Ewropea f’dawn iż-żminijiet diffiċli għaż-żona Ewro u l-futur tal-Unjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en