L-ONOR. JOSÉ HERRERA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KULTURA U GVERN LOKALI, JINAWGURA S-SERVIZZ TAL-LIVE STREAMING OFFRUT MILL-KUNSILL LOKALI TA’ ĦAL LUQA
Il-Kunsilli Lokali ta’ Ħal-Luqa huwa t-tieni Kunsill li nieda l-proġett ta’ LIVE Streaming għal laqgħat tal-Kunsill. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, l-Onor. Jose Herrera waqt żjara li għamel fl-uffiċini tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Luqa.
Huwa faħħar din l-inizjattiva u rringrazzja lis-Sindku tal-Lokal is-Sur John Schembri u l-Kunsillieri tal-Lokal għad-decizjoni għaqlija li ħadu li permezz tagħha se jżommu lir-residenti infurmati bid-deċizjonijiet li se jittieħdu mill-Kunsill Lokali.
L-Onor. Herrera qal li huwa se jkompli jinkoraġixxi lill-Kunsilli lokali sabiex jieħdu dan l-eżempju u għal din ir-raġuni fil-jiem li ġejjin se jkun qiegħed iniedi skema li permezz tagħha l-Kunsilli lokali kollha se jkunu mitluba joffru dan is-servizz.
Huwa qal li aktar ma l-Kunsilli lokali jkunu qrib in-nies aktar jistgħu isibu appoġġ u fiduċja min-nies. Dan huwa importanti ħafna u sabiex din il-fiduċja tkun sħiħa il-Kunsilli lokali jridu mhux biss imexxu bl-aktar mod trasparenti u effiċjenti imma jridu jikkonvinċu lin-nies li qegħdin jagħmlu dan billi kull deċizjoni tista tkun segwita LIVE meta tkun qegħda tittieħed.
Dan huwa l-ewwel pass l-għaliex wara dan irridu naslu għal sitwazzjoni fejn anke t-tenders ikunu segwiti LIVE biex b’hekk ħadd ma jkollu għalfejn jippunta subgħajh lejn il-Kunsill għaliex dan ikun mexa bl-aktar mod trasparenti.
L-Onor. Herrera tenna l-impenn tal-Gvern li l-Kunsilli Lokali jridu jkunu eqreb lejn in-nies vicin tal-familji u favur in-negozju lokali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en