Left arrow Mur Lura

3,500 ILMENT U SUĠĠERIMENT DWAR IS-SISTEMA TAT-TRASPORT PUBBLIKU

pr0906
Date Icon 06/05/2013

Matul eżerċizzju ta’ konsultazzjoni li sar bejn it-22 ta’ Marzu u l-21 ta’ April li għadda, dwar is-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna, Transport Malta irċeviet mat-3,500 suġġeriment u ilment.

Dan ġie żvelat dalgħodu mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi matul konferenza tal-aħbarijiet li matulha, ingħataw dettalji dwar l-informazzjoni li ġabret Transport Malta matul dan l-eżerċizzju mal-pubbliku.

“Wegħdna li se ntejbu s-sistema tat-trasport pubbliku f’pajjiżna u bdejna biex nisimgħu dak li għandu xi jgħid il-poplu, kemm mingħand min juża s-servizz u anke mingħand dawk li jipprovdu s-servizz, biex naraw x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. L-importanti huwa li l-ewwel u fuq kollox, qed nirrikonoxxu li hemm problema,” qal il-Ministru Joe Mizzi.

Il-maġġoranza tal-ilmenti u s-suġġerimenti, 25%, huma dwar iż-żamma tal-ħin u l-fatt li l-karozzi tal-linja spiss jgħaddu mimlijin. Kien hemm 23% tal-ilmenti li kienu dwar ir-rotot u 13% dwar il-frekwenza tas-servizz.

Barra minn hekk, 17% tal-ilmenti kienu dwar l-atteġġjament ta’ ċertu xufiera tal-karozzi tal-linja, fuq il-kundizzjoni ta’ ċertu karozzi tal-linja u informazzjoni mhux adegwata għall-pubbliku. Imbagħad kien hemm 11% tal-ilmenti li kienu jikikonċernaw il-bus stops u l-bus shelters u 11% fuq materji żgħar.

Il-Ministru spjega li filwaqt li l-pubbliku Malti u Għawdxi kellu ċ-ċans biex jesprimi ruħu individwalment, huwa qed jiltaqa’ mal-Kunsilli Lokali kollha biex anke huma jgħidulu x’inhuma l-problemi li hemm fil-lokalitajiet tagħhom. Huwa qal li se jkollu wkoll diskussjonijiet mal-operatur biex fl-aħħar mill-aħħar, jintlaħaq l-iskop ewlieni biex naslu għal sistema ta’ trasport pubbliku li jkun ta’ dinjita għal kull min jużaha.

“Wara dan l-eżerċizzju, il-fażi li jmiss hija l-evalwazzjoni ta’ dak kollu li rċevejna. Mhux bil-fors se nbiddlu kull ma qed jiġi ssuġġerit. Aħna se nitkelmu mal-esperti tagħna biex imexxuna huma. Se nkunu qed inpoġġu madwar il-mejda biex naraw fejn nistgħu inbiddlu xi affarijiet malajr u fejn nistgħu nippjanaw għall-futur,” żied jgħid il-Ministru Joe Mizzi.

Huwa temm jgħid li l-impenn tal-Gvern huwa li jara li s-servizz jinbidel għall-aħjar iżda l-prijorita hija li jiġi żgurat li l-affarijiet isiru tajjeb mill-ewwel.

Tibdil f’rotot eżistenti

Matul l-istess konferenza tal-aħbarijiet, tħabbar li fil-ġranet li ġejjin, Transport Malta se tagħmel tibdil f’sitt rotot.

Rotta 13 se tiġi estiża fi Triq Professur Ganado f’Pembroke u tgħaddi minn quddiem l-ITS biex tipprovdi wkoll servizzi addizzjonali ħdejn il-lukandi f’din iż-żona.

Rotta 21 se tibda tgħaddi minn Rue d’Argens minflok minn Triq Testaferrata fi triqitha lejn Tas-Sliema.

Rotta 106 se tinkludi servizz dirett minn Warda Interchange fi Triq l-Imdina, Attard lejn l-Isptar Mater Dei u l-Universita minflok Triq il-Pitkali u Attard peress li minn hawn, diġa jgħaddu rotot oħrajn.

Rotta 82 se tkun estiża biex tinkludi wkoll ir-roundabout tal-Freeport qabel tkompli bil-vjaġġ lejn Tal-Papa, f‘Birżebbuġa.

Rotta 124 se tkun etiża biex tinkludi l-Isla biex b’hekk se jkun hemm vjaġġ dirett kull siegħa lejn Ħaż-Żabbar u Marsaskala.

Rotta 237 hija rotta ġdida li tgħaqqad Paradise Bay, Għadira Bay u Popeye’s Village ma’ Anchor Bay b’servizz dirett kull siegħa bejn id-9.00 a.m. u l-5.00 p.m. għall-perjodu tas-Sajf.

Mapep li jispjegaw dan it-tibdil se jkunu aċċessibbli minn fuq is-sit elettroniku tal-Arriva Malta fil-ġranet li ġejjin. It-tibdil se jidħol fis-seħħ mis-26 ta’ Mejju li ġej.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow