IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU JINDIRIZZA L-EWWEL LAQGĦA TAL-BORD TAD-DIRETTURI TAL-ISTITUT GĦALL-ISTUDJI TURISTIĊI (ITS)
Illum saret l-ewwel laqgħa tal-Bord tad-Diretturi l-ġdid tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi mmexxi miċ-Chairman Dr. Ernest Azzopardi u li għaliha kien preżenti l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella.
Il-Ministru Vella tkellem fuq l-importanza tas-settur tat-turiżmu u ddeskriva l-Istitut għall-Istudji Turistiċi bħala wieħed mill-ħoloq importanti fil-katina tat-turiżmu.
Semma’ kif l-istitut mhuwiex biss wieħed ta’ edukazzjoni imma jrid iħares ukoll l-interessi u l-bżonnijiet tal-industrija fejn anke tingħata attenzjoni partikolari lejn il-formazzjoni tal-istudenti u l-kunċett ta’ ospitalità.
Il-Ministru għat-Turiżmu sostna li t-turiżmu sar wieħed kompetittiv ħafna u għaldaqstant ħeġġeġ lill-membri tal-Bord biex id-diskussjonijiet tagħhom ikunu ffukati wkoll fl-ambitu ta’ xenarju fejn Malta għandha kompetizzjoni kbira minn prodotti ta’ kompetituri barranin.
Il-Ministru Karmenu Vella tkellem ukoll fuq il-bżonn li jkun hemm aktar sinerġija bejn l-ITS u entitajiet oħra fis-settur turistiku kif ukoll mal-istudenti nfushom.
Filwaqt li rringrazzja lill-membri kollha tal-Bord preċedenti għas-sehem tagħhom, awgura kull suċċess lill-membri l-ġodda. Il-laqgħa kompliet fejn saret preżentazzjoni mid-Diretturi Eżekuttivi tal-ITS dwar l-operat u l-korsijiet offruti fil-preżent.
Aktar tard il-Bord ġie mdawwar mal-kumpless tal-ITS fejn iltaqa’ wkoll mal-istaff, akkademiċi u studenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en