HUWA PERMEZZ TA' AKTAR GĦARFIEN LIĊ-ĊITTADINI TAGĦNA JKUNU JISTGĦU JIBBENEFIKAW B'MOD SĦIĦ, KEMM MID-DRITTIJIET, KIF UKOLL MILL-OPPORTUNITAJIET TAS-SĦUBIJA
Iċ-Ċittadinanza tagħti numru ta’ drittijiet tanġibli, kif ukoll obbligi, liċ-ċittadini tal-Istati Membri, mingħajr ma tissostitwixxi ċ-ċittadinanza nazzjonali. Dan qalitu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli meta kienet qed tiftaħ djalogu pubbliku bit-tema ‘Ċittadini Maltin: Ċittadini Ewropej’ fl-okkażżjoni tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, Jum l-Ewropa, u d-9 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Dalli qalet lid-drittijiet assoċjati mal-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea “għandhom impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna: fuq iż-żgħażagħ, fuq l-istudenti f’livelli differenti, fuq dawk li qed ifittxu x-xogħol, fuq il-pensjonanti, fuq il-pazjenti, fuq il-passiġġieri waqt li jkunu qed jivjaġġaw, fuq il-konsumaturi, u fuq l-intraprendituri, fost l-oħrajn”.
Dr Dalli qalet li m’huwiex biss importanti liċ-ċittadini jkollhom id-drittijiet, iżda li jrid ikollhom għarfien biżżejjed ta’ dawn id-drittijiet, kif ukoll tal-obbligi li dawn iġibu magħhom.
Fir-‘Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010’, il-Kummisjoni Ewropea elenkat għadd ta’ ostakli fl-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Wieħed minn dawn l-ostakli huwa propju n-nuqqas ta’ għarfien.
Dr Dalli qalet li “n-nuqqas ta’ għarfien li qed naċċenna għalih m’huwiex biss nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, iżda wkoll dwar l-opportunitajiet li ġabet magħha s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, bħal diversi programmi ta’ fondi u skambji ta’ żgħażagħ, fost inizjattivi oħra. Huwa permezz ta’ aktar għarfien li ċ-ċittadini tagħna jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod sħiħ, kemm mid-drittijiet, kif ukoll mill-opportunitajiet tas-sħubija. Fost dawn insemmi d-dritt tal-mobilita` tal-ħaddiema u d-dritt tar-residenza, il-mobilita` tal-istudenti, l-opportunitajiet ta’ volontarjat, il-programmi ta’ skambji edukattivi, u diversi programmi ta’ fondi Ewropej”.
Bħala l-Ministru responsabbli mill-MEUSAC (Malta-EU Steering and Action Committee), Dr Dalli qalet li dan l-organu għandu sehem importanti ħafna fid-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet li għandhom iċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea. Hi qalet li materji li jikkonċernaw liċ-ċittadini b’mod dirett għandhom jitpoġġew fuq quddiem tal-aġenda tal-MEUSAC.
Il-Ministru Dalli qalet lid-diskussjoni dwar l-għarfien u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej m’għandhiex issir biss fl-okkażżjoni tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, iżda għandu jkun proċess kontinwu.
Id-djalogu pubbliku kien indirizzat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej Louis Grech u mis-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea Dr Ian Borg. Fid-diskussjoni ħadu sehem il-Kap tal-MEUSAC Dr Vanni Xuereb, il-Membri Parlamentari Ewropej Joseph Cuschieri u Dr Roberta Metsola Tedesco Triccas, u s-Senior Lecturer fl-Istitut tal-Istudji Ewropej tal-Universita` ta’ Malta Dr Mark Harwood.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en