IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI BUONTEMPO F'TAĦDITIET DWAR STRATEĠIJI INNOVATTIVI BIEX JINĦOLOQ IX-XOGĦOL
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, l-Onor. Stefan Buontempo, kellu diskussjonijiet ma' Ministri mill-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tan-Norveġja, tal-Iżlanda u tal-Iżvizzera dwar kif jistgħu jinstabu modi innovattivi biex jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda u tikber l-ekonomija.
Dan bħalissa huwa ta' rilevanza kbira minħabba li l-kriżi ekonomika u finanzjarja li qed tħabbat wiċċha magħha l-Ewropa wasslet għat-telfien ta' ħafna impjiegi u għal tnaqqis fir-ritmu tal-ekonomija. Fl-Unjoni Ewropea hawn iktar minn 26 miljun ruħ bla xogħol u l-Unjoni temmen li, f'din is-sitwazzjoni diffiċli, il-muftieħ biex naffrontaw il-kriżi u noħorġu minnha huwa li jkollna politika li tiffavorixxi l-innovazzjoni.
Dr. Buontempo kien qed jieħu sehem fil-Laqgħa Informali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Ministri tar-Riċerka f'Dublin, l-Irlanda, li bħalissa għandha f'idejha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Id-diskussjonijiet iffukaw, fost l-oħrajn, fuq x'għajnuna tista' tingħata lill-impriżi żgħar u medji biex jaħdmu b'modi aktar innovattivi. Il-Ministri tkellmu wkoll dwar kif l-investiment li jsir fir-riċerka jista' jagħti l-aħjar riżultati possibbli għas-soċjetà Ewropea kif ukoll biex jinħoloq ix-xoghol u tikber l-ekonomija. Tema oħra li ddiskutew kienet kif tista' titnaqqas il-burokrazija sabiex jiġu implimentati proġetti innovattivi u jkun hemm aktar fondi apposta ghalihom.
F'Dublin is-Segretarju Parlamentari Buontempo iltaqa', fost l-oħrajn, mal-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Irlandiż, Séan Sherlock, u mal-Kummissarju Ewropea għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en