ĦTIEĠA TA’ PJAN FLESSIBLI FIL-QASAM TURISTIKU FUQ TLIET SNIN LI JKUN RIVEDUT KULL SENA – MINISTRU GĦAT-TURIŻMU KARMENU VELLA
Meta kien qed jindirizza l-ewwel Tourism Management Forum organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti l-MHRA, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella ta preżentazzjoni holistika tax-xejriet fis-settur tat-turiżmu.
Il-Ministru Vella semma’ kif ix-xejriet pozittivi ta’ bħalissa f’dawk li huma numri ta’ turisti jagħtu opportunità biex il-Gvern jiffoka fuq materji oħra li wkoll jaffetwaw dan il-qasam.
Saħaq fuq l-importanza tas-settur tal-avjazzjoni fejn iddeskrivieh bħala wieħed li kapaċi joħloq turbolenzi lill-industrija turistika hekk kif l-aċċessibilità fis-settur kulma jmur qed issir aktar kruċjali. Fi kliem il-Ministru Vella, din hija ċ-ċavetta għall-industrija u trid tittieħed b’serjetà.
F’dan ir-rigward semma’ l-irwol kruċjali li għanda l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta u saħaq li pajjiżna kien isofri ħafna f’dak li huwa turiżmu kieku ma kellux il-linja tal-ajru tiegħu.
Il-Ministru għat-Turiżmu semma’ kif il-qasam turistiku qiegħed kontinwament jinbidel b’mod partikolari fejn jidħlu l-aspettattivi tat-turisti, l-aċċessibilità, u l-kwalità tal-prodott.
“Irridu nibqgħu f’livell mal-kompetituri tagħna, inkella nkunu f’riskju li pajjiżna ma jibqax aktar attraenti bħala destinazzjoni” saħaq Karmenu Vella. F’dan ir-rigward insista fuq il-bżonn li pajjiżna jkollu pjan flessibli mifrux fuq tliet snin, u li iżda jkun rivedut kull sena. Il-Ministru Vella żied jgħid li l-Gvern m’għandu ebda intenzjoni li jikkontrolla s-settur imma li jiffaċilita.
Tkellem ukoll dwar sfidi oħra li qed jiffaċċja s-settur fosthom dik tal-profitabilità u tal-istaġjonalità, filwaqt li saħaq fuq il-bżonn ta’ diversifikazzjoni akbar fi swieq differenti.
Semma’ l-każ tas-suq Ġermaniż fejn minkejja li huwa t-tielet l-akbar suq f’Malta, bl-aħħar figuri għall-2012 juru l-wasla f’Malta ta’ 137,214 turist, il-persentaġġ f’dak li huwa market share huwa biss ta’ 0.26%. Qal li dan huwa wieħed mill-eżempji fejn pajjiżna jista’ jibda jkun proattiv.
“Dan huwa l-mument opportun biex nippjanaw b’mod strateġiku” qal il-Ministru Karmenu Vella.
Tkellem ukoll fuq l-importanza tal-marketing u l-għajnuna li tingħata f’dan ir-rigward fejn fi kliem il-Ministru Vella, dan huwa investiment li jsarraf f’opportunitajiet.
Tkellem ukoll il-President tal-MHRA is-Sur Tony Zahra fejn semma’ kif is-settur turistiku jirrappreżenta mat-30% tal-prodott gross domestiku.
Qal li llum dan is-settur wasal viċin ħafna għall-istat li jinsab il-qasam finanzjarju grazzi għall-maturità li għaddiet minnha l-industrija turistika.
Is-sur Zahra elenka wkoll bosta metodi ta’ kif dan il-qasam jista’ jkompli jitjieb fosthom b’aktar tnaqqis fil-burokrazija, introduzzjoni ta’ aktar kompetizzjoni biex tieħu post il-monopolji u li l-klijent jinqeda b’mod tajjeb u f’qasir żmien.
Il-forum bl-isem ta’ ‘AS ONE’ ra wkoll il-parteċipazzjoni ta’ diversi kelliema oħra barranin li lkoll jispeċjalizzaw fil-qasam tat-tmexxija.
Preżenti kien hemm ukoll il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en