Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU HELENA DALLI TINDIRIZZA L-EWWEL LAQGĦA TAL-CORE GROUP TAL-MEUSAC GĦAL DIN IL-LEĠISLATURA

pr0884
Date Icon 03/05/2013

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, illum indirizzat l-ewwel laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC f’din il-leġislatura. 

Il-Core Group tal-MEUSAC jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-Gvern, tal-partiti politiċi, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili u jiddiskuti proposti leġiżlattivi ġodda fl-UE li għandhom implikazzjonijet nazzjonali.  L-eżitu tad-djalogu fil-Core Group jikkontribwixxi sabiex titfassal il-pożizzjoni tal-Gvern Malti fil-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Dalli qalet li l-esperjenza tal-aħħar erba’ snin u nofs għandha tgħina biex ikun stabbilit sett ta’ regoli ta’ proċedura bil-għan li jitjieb il-livell u l-proċess ta’ diskussjoni li ssir fil-Core Group.  Meta kienet qed titkellem dwar is-sehem tal-partiti politiċi fil-Core Group, Dr Dalli qalet li dan għandu jikkontribwixxi biex ikun hawn konverġenza akbar fuq livell politiku dwar il-politika li taddotta Malta fil-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Dwar l-ewwel laqgħa konġunta bejn il-MEUSAC u l-MCESD li saret nhar il-Ġimgħa, il-Ministru Dalli qalet li l-inizjattiva għandha tirrepeti ruħha kull meta tinħass il-ħtieġa.

Diskussjoni dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea ‘Qafas għall-politiki dwar il-Klima u l-Enerġija sal-2030’

Waqt il-laqgħa tal-Core Group tal-lum ġiet diskussa l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea ‘Qafas għall-politiki dwar il-Klima u l-Enerġija sal-2030’.

Fi preżentazzjoni li saret mill-Inġ. Godwin Sant, Uffiċjal Ewlieni tal-Politika tal-Enerġija fil-Ministeru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma, ġew indirizzati l-isfidi tal-enerġija u kif dawn qed jolqtu l-ambjent fuq livell globali, Ewropew u anke lokali.  Semma kif il-problemi marbuta mat-tibdil fil-klima saru realtà rikonoxxuta minn kulħadd u għaldaqstant id-dinja trid tara kif se tnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt u l-faħam.

L-Inġ. Sant qal li għall-20 sena li ġejjin, l-Unjoni Ewropea qed tiffoka fuq is-sostenibbiltà tar-riżorsi, is-sigurtà tal-provista u l-impatti ekonomiċi tal-enerġija.  Hu spjega li l-viżjoni tal-UE sal-2030 tikkonsisti fl-estensjoni tal-miri elenkati fl-Istrateġija ‘Ewropa 2020’ li fost l-oħrajn iridu jindirizzaw it-tnaqqas tal-gassijiet serra (li jniġġsu l-ambjent), aċċess ikbar għan-nies biex ikollhom il-provista tal-enerġija u l-elettriku (energy poverty) u żieda fir-riżorsi għar-riċerka fil-qasam tal-enerġija bil-għan li jinħolqu iktar impjiegi (green jobs) u fl-istess waqt jiġi protett l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Dwar Malta, l-Inġ. Sant qal li l-isfidi f’dal-qasam jiddependu fuq l-ekonomija, id-densità tal-popolazzjoni u n-nuqqas ta’ spazju għall-proġetti infrastrutturali.  Skont il-Green Paper, iktar ma Malta tiġġenera enerġija nadifa, iktar jitnaqqsu l-gassijiet serra, jonqsu l-multi u t-tniġġis ambjentali. Infatti, sal-2020 Malta trid tilħaq il-mira li tikkonsma 10% tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu.  Fuq livell Ewropew, din il-mira hija ta’ 30%, bl-Inġ. Sant isemmi li hemm fondi tal-UE li jistgħu jintużaw apposta biex il-pajjiżi jkollhom networks tal-elettriku u l-gass mal-grid Ewropew.  Fost il-miżuri li qed jittieħdu mill-Gvern biex il-pajjiż jilħaq il-miri stabbiliti nsibu l-investiment fil-power station tal-BWSC li se jnaqqas ħafna mit-tniġġis fl-arja, l-għeluq tal-power station tal-Marsa, l-interconnector ma’ Sqallija biex jinxtara l-elettriku mill-grid Ewropew tal-enerġija, kif ukoll l-impjant il-ġdid u l-bidla għall-użu tal-gass fl-impjant ta’ Delimara.  Dan kollu, qal l-Inġ. Sant, jista’ jnaqqas it-tniġġis ambjentali sostanzjalment filwaqt li qal se ssir reviżjoni tal-pjan tal-enerġija li tiġġedded biex Malta tkun tista’ tilħaq il-miri tal-UE fil-qasam tal-enerġija.

Il-membri tal-Core Group qajmu diversi punti, fosthom: 

• Investiment fi proġetti li jipproduċu l-enerġija għal Malta f’pajjiżi barranin

• Il-kwistjoni tal-iskarsezza tal-ilma

• Iktar użu tal-pannelli fotovoltajċi fuq skali kbar

• Il-kontroll tat-traffiku li huwa t-tieni l-iktar sors ta’ tniġġis f’Malta

• L-istallazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi fuq il-bjut tal-iskejjel u bini pubbliku

• Il-possibiltà li l-kuntratti tal-Gvern jingħataw lil kumpaniji li jadottaw prattiċi favur l-ambjent.

B’reazzjoni,  l-Inġ. Sant qal li diġà saru taħdidiet bejn il-Gvern Malti u gvernijiet ta’ pajjiżi oħra dwar proġetti infrastrutturali kbar li Malta tista’ tieħu sehem fihom biex tiggwadanja minn sorsi ta’ enerġija li tiġġedded.  Intqal li qed isiru studji dwar il-wind farms bħala parti minn proġetti innovattivi u ta’ riċerka mill-Università ta’ Malta. 

Rigward fondi mill-UE ntqal li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) 2007-2013 għandu allokazzjoni li tindirizza t-tibdil fil-klima u l-adattament għaliha bil-għan li tinċentiva lill-familji, lin-negozji u lill-industrija ħalli jinvestu f’sorsi ta’ enerġija li tiġġedded.  B’rabta mal-kuntratti tal-Gvern intqal li l-pass li jmiss huwa li fost il-kriterji jkun hemm ukoll aspetti ambjentali li jridu jiġu osservati mill-kumpaniji li jieħdu sehem fis-sejħiet għall-offerti.

Dwar it-trasport, intqal li jeħtieġ jissaħħaħ it-trasport pubbliku kif ukoll bidla fil-mentalità fl-użu tal-karozzi privati.  Intqal ukoll li qed isir awditjar tal-bini tal-Gvern biex ikun jista’ jopera b’iktar effiċjenza fil-konsum tal-enerġija.  Dan minbarra li l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi qed tqajjem iktar kuxjenza permezz ta’ kampanja dwar l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow