TINĦATAR IL-KUMMISSJONI NAZZJONALI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA
L-Onor. Franco Mercieca, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u l-Anzjanità Attiva ħatar illum waranofsinhar il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva li se tkun responabbli mit-tfassil tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2014-2020.
Il-membri ta’ din il-Kummissjoni huma Dr Marvin Formosa bħala Ċerpersin, u Dr Stephen Abela, Dr Stephen Lungaro Mifsud, Prof. David Mamo, Dr Josette Rapa, is-Sur Anthony Scerri, is-Sinjura Tracy Schembri u Dr Stephanie Xuereb bħala membri.
Waqt it-tnedija tal-Kummissjoni, l-Onor. Mercieca elenka l-miri ta’ din il-Kummissjoni fosthom li tilqa’ għall-isfidi tal-anzjanità u xejriet demografiċi permezz ta’ politika soċjali mfassla u mwettqa b’mod ħolistiku u mhux biċċa biċċa u maqsuma f’kategoriji diversi.
Il-Kummissjoni tinkludi bosta esperti minn professonijiet varji fil-qasam tal-anzjani, iżda l-metodu li se tħaddan huwa wieħed demokratiku u parteċipatorju. Dan ifisser li se ssir konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders kollha, bħal Ministeri kollha, esperti f’oqsma varji, għaqdiet volontarji, kif ukoll il-pubbliku inġenerali biex titfassal din l-istrateġija.
Fid-dawl ta’ dan fil-ġimgħat li ġejjin il-Kummissjoni ħa torganizza seminar nazzjonali ta’ konsultazzjoni li jinkludi workshops, fejn kulħadd ikollu l-opportunità li jsemma’ leħnu u jagħti r-rakkomandazzjonijiet xierqa.
Is-Segretarju Parlamentari Dr Mercieca fisser t-tixjiħ tal-popolazzjoni bħala kisba kbira - ir-riżultat ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien li jġibu ’l quddiem is-saħħa u ta’ avvanzi kbar fil-mediċina li qegħdin inaqqsu l-mortalità prematura. Madankollu, huwa sostna li t-tixjiħ mgħaġġel tal-popolazzjoni f’Malta u l-irtirar mistenni tal-ġenerazzjoni hekk imsejħa tal-baby-boomers jippreżentaw sfidi kbar.
Huwa nnota li l-popolazzjoni totali tal-età tax-xogħol (dawk ta’ bejn il-15 u l-64 sena) mistennija tonqos hekk kif il-koorti tal-baby-boomers jirtiraw. Qal li iktar ma jgħaddi ż-żmien, in-numru ta’ nies li għandhom ’il fuq minn 65 sena qiegħed jiżdied tant li fl-2060 il-miżien se jxaqleb lejn popolazzjoni b’iktar anzjani milli tfal, żgħażagħ u adulti.
“Jekk fl-1960 persuna kienet tgħix sa 70 sena, illum tgħix ‘il fuq minn 80 sena. U jekk illum, ħames ħaddiema jagħmlu tajjeb għall-pensjoni ta’ żewġ anzjani, fis-sena 2060 se jkun hemm madwar tliet anzjani li l-pensjoni tagħhom tiddependi mill-kontribuzzjoni ta’ ħames ħaddiema,” qal l-Onor. Segretarju Parlamentari. Huwa żied jirrimarka li sal-2060 daqs 38 fil-mija tal-popolazzjoni Maltija se jkollha ‘l fuq minn sittin sena, b’ħafna minnhom jgħixu f’darhom fil-komunità. Saħaq li dan għandu implikazzjonijiet tremendi għall-ġejjieni tal-impjiegi u t-tkabbir fl-UE, kif ukoll għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u l-ħarsien soċjali, li qegħdin jiffaċċjaw diskrepanza dejjem tikber bejn il-ħtiġijiet tal-infiq pubbliku u d-dħul mit-taxxi u mill-kontribuzzjonijiet.
Dr Mercieca semma wkoll kif l-għadd ta’ anzjani qiegħed jiżdied b’mod mgħaġġel ħafna tant li f’Malta, dawk ta’ 65 sena jew aktar se jiżdiedu minn madwar 14% llum għal 32.4% fl- 2060. Fil-każ ta’ dawk ta’ 80 sena jew aktar, dawn se jiżdiedu minn madwar 3.2% illum għal 11.8% fl-2060, jiġifieri se jiżdiedu iżjed minn tliet darbiet. Huwa enfasizza li dan se jkollu implikazzjonijiet sinifikanti għas-servizzi tal-kura u s-saħħa.
L-Onor. Segretarju Parlamentari Dr Franco Mercieca rrimarka li l-Gvern preżenti jemmen li dan it-tibdil demografiku jista’ jiġi indirizzat b’suċċess permezz ta’ approċċ pożittiv. Qal li l-kunċett tal-Anzjanità Attiva huwa fil-qalba ta’ dan ir-rispons, kif ukoll huwa essenzjali biex tiġi ppriservata s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.
Imsebbaħ mill-politika soċjali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Għaqda Dinija tas-Saħħa, il-Ġnus Magħquda, u speċjalment, l-Unjoni Ewropea, Dr Mercieca qal li l-Gvern preżenti jemmen li l-Anzjanità Attiva tfisser primarjament li n-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jibqgħu jaħdmu għal aktar żmien, li tiġi ffaċilitata ċ-ċittadinanza attiva u li n-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jibqgħu f’saħħithom u jgħixu b’mod indipendenti meta jixjieħu, grazzi għal approċċ fejn jiġu kkunsidrati l-istadji kollha tal-ħajja għat-tixjiħ b’saħħtu, flimkien ma’ ambjenti lokali u ta’ akkomodazzjoni xierqa li jippermettu lill-anzjani jibqgħu jgħixu fi djarhom għal kemm jista’ jkun possibbli.
“Dawn il-miri jfissru li jeħtieġ li nbidlu, illum qabel għada, l-attitudni tagħna lejn xi jfisser li tkun anzjan, billi nżidu l-apprezzament tagħna għall-appoġġ u l-esperjenza li l-anzjani jistgħu u qegħdin joffru fl-oqsma kollha tal-ħajja,” Huwa sostna li rridu noffru wkoll il-possibbiltà ta’ appoġġ aħjar lill-anzjani kollha biex jekk is-saħħa tonqos din ma twassalx awtomatikament għall-esklużjoni u għad-dipendenza eċċessiva fuq l-għajnuna tal-oħrajn, bil-għan li tiġi assigurata ħajja ta’ dinjità.
Huwa żied jgħid li din hija aġenda wiesgħa li l-livelli kollha tal-Gvern, tan-negozji, it-trejdunjins u s-soċjetà ċivili għandhom jikkontribwixxu għaliha.
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li l-Gvern jinsab persważ li l-Istrateġija Nazzjonali għal Anzjanità Attiva ħa tkun katalista ewlenija biex dawn il-miri jintlaħqu.
Huwa temm jirringrazzja l-membri kollha tal-Kummissjoni għall-Anzjanità Attiva talli aċċettaw l-istedina biex iservu f’din il-kariga bil-għan li pajjiżna jkollu Strateġija Nazzjonali għal Anzjanità Attiva kif jixraq lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Min-naħa tiegħu, Dr Marvin Formosa, Ċerpersin tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva sostna li l-Gvern għandu l-obbligu li jwettaq politika soċjali li tkabbar l-opportunitajiet għall-ħajja attiva fl-anzjanità.
Huwa enfasizza li m’għadux iż-żmien li naraw l-anzjani biss bhala reċipjenti ta’ kura jew persuni dgħajfa, passivi u maqtugħin mid-dinja produttiva. Qal li l-politika soċjali għall-anzjanità attiva għandha jkollha approċċ pożittiv li jħares lejn l-anzjanità minn perspettivi differenti, kemm bijoloġiċi, soċjali u psikoloġiċi.
Dr Formosa saħaq li l-Kummissjoni mhix se tkun idealista u se tibqa’ dejjem sensittiva li r-riżorsi umani u finanzjarji tas-soċjetà ċivili mhumiex infiniti. Madankollu, qal li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tfassal politika soċjali li hija bbażata fuq il-valuri tal-ġustizzja soċjali.
Iċ-Ċerpersin tal-Kummissjoni qal li b’riflessjoni fuq il-miri tal-Unjoni Ewropea għal Anzjanità Attiva, temi kurrenti li se jispiraw ix-xogħol tal-Kummissjoni jinkludu, it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni matul ħajjet il-persuna, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, ir-rikonoxximent tal-valuri kollha tal-gruppi ta' kull età u l-kontribut tagħhom lis-soċjetà, il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u d-dijanjosi bikrija matul iċ-ċiklu tal-ħajja, kif ukoll ir-riabilitazzjoni u l-aġġustament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali b'tali mod li huma jkunu jistgħu jipprovdu pensjonijiet sostenibbli u adegwati li se jikkontribwixxu għat-tnaqqis tan-numru ta' anzjani, speċjalment nisa, li jgħixu taħt il-linja tal-faqar u jippermettu lill-anzjani jgħixu fid-dinjità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en