STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-IPPJANAR U SIMPLIFIKAZZJONI AMMINISTRATTIVA
‘Semma Leħnek’ – Konsultazzjoni Pubblika biex il-proċess tal-Ippjanar ikun simplifikat
Biex tkompli l-ħidma tal-Gvern sabiex jitwettaq il-Manifest Elettorali ‘Malta Tagħna Lkoll’, dalgħodu ġiet imnedija l-inizjativa ‘Semma’ Leħnek’, konsultazzjoni pubblika biex il-proċess tal-ippjanar ikun simplifikat.
Il-Gvern huwa kommess biex jimxi mal-linja ‘Naħdmu lkoll biex inwettqu’ u permezz ta’ din l-inizzjattiva l-Gvern se jkun qed jisma’ lill-poplu biex ikun jista’ jaħdem u jwettaq.
Waqt żjara fl-uffiċini tal-MEPA fejn iltaqa’ mal-ħaddiema kollha tal-kumpanija, is-Segretarju Parlamentari nieda uffiċjalment din l-inizjattiva.
L-inizjattiva ‘Semma Leħnek’ hija parti mill-pjan li l-MEPA tinqasam f’żewġ entitajiet u se tkun mifruxa fuq spazju ta’ tlett gimgħat fejn il-pubbliku in generali se jkun mistieden biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar kif jistgħu jkunu simplifikati aktar il-proċeduri fi ħdan il-MEPA.
Kif imwiegħed, il-Gvern huwa kommess illi jnaqqas il-burokrazija b’25%, għalhekk fost l-oħrajn il-Gvern irid inaqqas, id-duplikazzjoni ta’ talbiet għall-informazzjoni li ħafna drabi tintalab mill-entitajiet differenti tal-Gvern. B’dan il-mod tiżdied l-effiċjenza u jkun evitat ‘overlapping’ ta’ proċeduri bla bżonn.
F’dan ir-rigward qed issir stedina lill-pubbliku in generali biex jinfurmana bl-esperjenza tiegħu billi jibgħat email fuq: riformamepa.opm@gov.mt.
Dan l-email account se jkun miftuh għal perjodu ta’ tliet gimgħat li jibdew mit-Tnejn 6 ta’ Mejju u jispiċċaw it-Tnejn 27 ta’ Mejju 2013.
Dawn li ġejjin huma xi eżempji li diġà nafu dwarhom u li għaddejja ħidma kontinwa biex jinstabu soluzzjonijiet għalihom:
• Tariffi esaġerati li kultant jaqtgħu qalb dak li jkun: xi ħaġa li ħdimna fuqha biex it-tariffi jitnaqqsu fejn f’każijiet tnaqqsu anki bin-nofs;
• Nuqqas ta’ nfurzar min-naħa tal-MEPA waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħol u dan b’detriment għall-girien li jkunu qed jgħixu f’periklu;
• Applikazzjonijiet tal-istess natura, iżda li jiġu trattati b’mod differenti u b’veloċità differenti;
• Dewmien bla bżonn biex jinħarġu compliance certificates;
• Applikazzjonijiet li għal raġunijiet misterjużi jibqgħu lura milli jiġu pproċessati;
• Deċiżjonijiet li ma jirrispettawx il-provvedimenti tal-Pjan Lokali u dan anke jekk b’detriment għall-applikant;
• Applikazzjonijiet li ma jkunux jistgħu jiġu pproċessati peress li l-applikanti jintalbu jiksbu informazzjoni meħtieġa minn entitajiet tal-Gvern, iżda din l-informazzjoni qatt ma tasal għandhom ;
• Policies ta’ ippjanar li ma jikkumplimentawx il-provvedimenti tal-Kodiċi Ċivili;
• Interpretazzjonijiet differenti tal-istess policy;
• Policies, bħal dawk li jirregolaw “parking standards” u “change of use” li qed ixekklu inizjattivi ġodda fil- kummerċ;
• Policies li qatt ma ġew aġġornati, u li allura ma jindirizzawx l-eżiġenzi soċjo-ekonomiċi tal- lum. Dawn jinkludu, per eżempju, policies li jirregolaw l-industrija tal-biedja u sajd u enerġija alternattiva;
• Policies, bħal dawk li jippromwovu “comprehensive planning”, li jinstemgħu sbieħ fuq il- karta iżda li fir-realtà ma jistgħux jiġu implimentati;
• Inkonsistenzi bejn deċiżjonijiet tat-Tribunal dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u l-Kummissjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, b’tali mod li dak li jiġi deċiż mit-Tribunal xorta jibqa’ jiġi injorat mill-Awtorità għal deċiżjonijiet futuri;
• Nuqqasijiet proċedurali quddiem it-Tribunal dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, fejn per eżempju appellant ma jitħalliex iressaq xhieda minkejja li din tista’ tkun rilevanti għall-każ;
Dawn huma biss ftit eżempji li fil-fehma tagħna huma rilevanti u allura qed issir ħidma biex tinstab soluzzjoni.
Ma’ dawn l-eżempji msemmija, aħna persważi illi jeżistu numru ta’ każijiet oħrajn illi l-pubbliku ltaqa’ magħhom u għalhekk important li l-Gvern ikun jaf b’dawn il każijiet.
Permezz tal-inizjattiva ‘Semma Leħnek’, il-pubbliku se jkun involut b’mod dirett fid-deċiżjonijiet li jridu jirregolaw il-futur ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en