IL-MINISTRU HELENA DALLI F’LAQGĦA MAL-KUNSILL NAZZJONALI TAN-NISA
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli għamlet żjara lill-uffiċju tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa.
Matul il-laqgħa, li għaliha attendew rappreżentanti ta’ għaqdiet differenti tan-nisa u li huma affiljati mal-Kunsill, il-Ministru Dalli ddiskutiet diversi aspetti tal-ħajja li jolqtu direttament lin-nisa u li jipreżentaw sfidi li jridu jiġu indirizzati.
Fost l-oħrajn, il-Ministru tkellmet dwar l-importanza li aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, mhux biss minħabba l-importanza ekonomika li din iġib magħha. Dr Dalli aċċennat għall-importanza li l-postijiet tax-xogħol f’pajjiżna jkunu strutturati biex jindirizzaw l-isfidi li jaffaċċjaw ġenituri li jaħdmu. Hi saħqet fuq l-importanza li min iħaddem joffri inċentivi favur il-familja. Il-Gvern huwa impenjat li jindirizza l-ħarsien tat-tfal żgħar ta’ ġenituri li jaħdmu. Waqt id-diskussjoni tqajjem is-suġġett ta’ breasfeeding fuq il-post tax-xogħol mill-ommijiet.
Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar il-vjolenza fuq in-nisa, inkluż il-vjolenza domestika, fejn saħqet li bħala soċjeta`, apparti l-għajnuna li nagħtu lill-vittmi, għandna naraw li min jagħmel il-vjolenza jingħata t-trattament li jkollu bżonn biex joħroġ mill-problema ta’ vjolenza li jkollu. Hija tkellmet ukoll fuq il-kwistjoni tat-traffikar tal-persuni.
Waqt id-diskussjoni tqajjmu affarijiet oħra bħall-problema tal-pornografija li jkollha impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet bejn koppji addoloxxenti, il-mard trasmess sesswalment, u t-tqala fost l-addoloxxenti. Il-Ministru Dalli qalet li l-problema tal-pornografija għandha tkun indirizzata b’aktar edukazzjoni fil-livell primarju fejn it-tfal jitgħallmu li dak li jistgħu ikunu qed jaraw mhix stampa reali tal-intimita` bejn il-koppji.
Waqt il-laqgħa, is-Sinjura Mary Gaerty, President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, ippreżentat kopja ta’ riżoluzzjonijiet li kienu approvati waqt l-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kunsill li saret f’Jannar li għadda. Din ir-riżoluzzjoni titratta diversi aspetti tal-ugwaljanza bejn is-sessi u temi oħra li għandhom impatt fuq in-nisa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en