Left arrow Mur Lura

“Il-PARK TAL-MAJJISTRAL SER JITPOĠĠA FUQ SISIEN SODI”: JITĦABBAR IL-BORD TAL-PARK TAL-MAJJISTRAL – IL-MINISTRU LEO BRINCAT

pr0874
Date Icon 03/05/2013

Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat ħabbar il-bord il-ġdid tal-Park tal-Majjistral li ser jkollu bħala Chairperson lil Dr. Carmen Sammut.

Il-Ministru Leo Brincat qal li wara konsultazzjonijiet li saru f’dawn l-aħħar ġimgħat u l-ftehim milħuq mal-istakeholders ewlenin, illum kien jinsab f’qagħda li jħabbar li b’riżultat ta’ dan il-Park tal-Majjistral ser jitpoġġa fuq sisien sodi.  Fejn kullħadd ser jingħata l-ispazju tiegħu għall-prattiċi konformi mal-Mission Statement tal-Park innifsu, b’mod sostenibbli fl-istesswaqt b’mod regolat.

Il-Ministru Brincat qal li fejn meħtieġ ser jinħarġu ukoll avvizi legali. Il-fatt li sal-lum ma kienx hemm avviż legali xieraq dwar dan xekkel il-progress li setgha sar.

Il-ħsieb tal-Gvern sa mill-bidu nett kien li l-bord ikun wieħed li jiffunzjona b’mod effettiv u li jkollu d-diskrezzjoni li jgħamel biss superviżjoni ħalli ma jkunx hemm duplikazzjoni ta’ xogħol mit-tmexxija li għandha tkun f’idejn il-Federazzjoni nnifisha.

Huwa radd ħajr lil dawk kollha li ġew ikkonsultati, inkluż lill-FKNK, li magħhom intlaħaq ftehim li l-kaċċa tkun permessa biss sal-10am il-ġimgħa kollha fl-istaġun tagħha. B’dan il-mod jitkompla jingħata spazju sħiħ liż-żjarat tat-tfal mill-iskejjel u ma jkunx ta’ xkiel għal dawk il-familji li jkunu jixtiequ jużaw il-Park fi tmiem il-ġimgħa u btajjel pubbliċi. L-FKNK anke offrew minn rajhom li jgħamlu xogħol ta’ konservazzjoni fil-Park tal-Majjistral.

Il-Ministru Leo Brincat appella lill-Bord biex ikollu viżjoni komuni u wera apprezzament għall-fatt li l-istess Federazzjoni laqgħet b’sodisfazzjon l-appoġġ imwiegħed mill-Gvern. Liema appoġġ għandu dmir li joffri, jekk jixtieq jara dan il-proġett jitpoġġa fuq sisien sodi.

Il-Ministru Brincat qal li l-Bord ser jinkludi rappreżentanza tal-Gvern, tal-MEPA, tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa flimkien ma’ rappreżentanza minn Din l-Art Ħelwa, Nature Trust u Gaia Foundation.

Qal li mingħajr ma jipponta subgħajh lejn ħadd il-brief tekniku li ngħata kien li għalkemm dan il-Park twaqqaf fis-sena 2007, tul is-snin s-set up ħadem b’mod ineffiċjenti u ineffettiv, b’ħafna kunflitti bejn l-istakeholders rappreżentati fuq il-management board, li mhux biss xekklu it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-ħidma tal-Park. F’ċerti ċirkustanzi anke waslet għal riżenji fost membri tal-bord ta’ tmexxija, minħabba nuqqas ta’ direzzjoni ċara minn fuq.

Il-Ministru Brincat qal li ser jinsisti fuq il-bżonn li dan is-sit jopera b’mod regolat speċjalment meta wieħed iqis li parti sostanzjali minnu huwa sit Natura 2000. Għaldaqstant mhuwiex ser jippermetti aċċess bla limitu ta’ ċerti prattiċi, bħal karozzi bla rażan fil-Park, speċjalment off roading li spiss isir bi ħsara għas-sit innifsu.

Qal li filwaqt li huwa importanti li l-Park tal-Majjistral jibqa miftuħ għall-pubbliku, f’ċerti ħinijiet stabiliti, huwa importanti li jkun hemm ċertu kompatibilita’ fl-attivitajiet li jittellgħu fil-Park. Għalhekk hemm bżonn immaniġġjar tajjeb tal-Park.

Qal li ser jkun hemm kontroll fuq l-aċċess biex jitrażżnu l-abbużi li għadhom għadejjin sal-lum.

Filwaqt li appella għal trasparenza sħiħa fl-operat finanzjarju tal-Park, il-Ministru Brincat qal li għalkemm qed jingħad li l-Federazzjoni hija dovuta €139,000 għas-snin 2011 u 2012, sal-lum kull ma sar kien ħlas mingħajr ebda provvedimenti fil-budget ta’ €28,000 ftit ġimgħat qabel l-Elezzjoni Ġenerali.

Leo Brincat qal li għalkemm il-problemi ma jdejquhx, huwa jippreferi li l-Bord maħtur minnu jkun kapaċi jsib tarf minn rajh tal-problemi eżistenti u dawk ġodda li jistgħu jinqalgħu, flok naslu f’xifer l-irdum kif ġieli ġara fl-imgħoddi.

Il-Ministru appella lill-Bord ta’ tmexxija biex mhux biss jimplimenta pjan ta’ azzjoni konkret u fattibli, jżda wkoll iżomm widnejh miftuħa għal kull tip ta’ suġġerimenti prattiċi li jistgħu jsirulu tul iż-żmien.

Dwar ic-Chairperson, il-Ministru Brincat qal li huwa għażel persuna li mhux biss hija entużjasta ħafna dwar il-Park innifsu, jżda ukoll li żżuru regolarment u hija ferm konxja tal-potenzjal, problemi u sfidi li għandu quddiemu l-Park tal-Majjistral biex jilħaq l-għanijiet tiegħu.

Ic-Chairperson Dr. Carmen Sammut qalet li hija waħda mill-mijiet ta’ nies li jżuru l-Park tal-Majjistral b’mod regolari matul l-istaġuni kollha u li s-sbuħija ta’ dan il-Park u l-valur ekoloġiku tiegħu jista’ japprezzah kull min iżuru.

Dr. Sammut qalet li hija taf l-inħawi sew u tifhem għalhekk l-ansjetajiet tal-għaqdiet li jamministraw il-Park. Huwa għalhekk li qed timpenja ruħha biex tgħin ħalli jitwettew id-diffikultajiet li jeżistu. Qalet li hija aċċettat il-kariga ta’ Chairperson għaliex hemm viżjoni komuni.



Il-Membri tal-Bord huma :

                                                                Dr. Carmen Sammut  ( Chairperson)

                                                                Mrs. Nadia Suda Lanzon

                                                                Mr. Martin Galea

                                                                Mr. Vince Attard

                                                                Dr. Rudolph Ragonesi

                                                                Mr. Joe Cristina

                                                                Mr. John Buttiġieġ

                                                                Mr. Darren Saliba

                                                                Rapp. tad-Direttorat tal-Artijiet


Nota Bijografika dwar ic-Chairperson tal-Bord tal-Park tal-Majjistral Dr. Carmen Sammut:             

Dr Carmen Sammut hija Senior Lecturer fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fl-Universita’ ta’ Malta. Hija tmexxi korsijiet fil-Kommunikazzjoni Internazzjonali, Diplomazija kif ukoll dwar issues ta’ ambjent u anke korsijiet dwar gender  fl-arena internazzjonali.

F’żgħożita hija kienet attiva f’għaqdiet ambjentali bħal Żgħażagħ għall-Ambjent u f’NGOs dwar id-drittijiet tan-nisa. F’dak iż-żmien bdiet taħdem fil-qasam ġurnalistiku fejn matul is-snin kienet tikkontribwixxi dwar dawn l-issues. Program ippreżentat minnha dwar ġrajjiet kurrenti fl-Unjoni Ewropeja fuq radju  RTK kien rebah il-Premju Malta Journalists’ Award għall-ġurnalizmu bir-radju.

Hi serviet ukoll fil-Press Ethics Commission fejn kienet chairperson tal-kumitat li ħejja l-aħħar bidliet kurrenti fil-Kodici ta’ Etika tal-Istitut tal-Ġurnalisti. Carmen Sammut kisbet Dottorat minn Goldsmiths College, l-Universita’ ta’ Londra.

Ippubblikat kotba u f’ġurnali akkademiċi, fosthom dwar ir-rapportaġġ tal-media dwar l-immigrazzjoni fil-gzejjer Ewropej. Tagħat lectures f’universitajiet f’Londra, il-Palestina, l-Istati Uniti, Turin u l-Marokk. Bħalissa hija wkoll chairperson tal-Think Tank politiku IDEAT.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow