IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-PRESIDENZA TAL-UE 2017 U L-FONDI TAL-UE IŻUR L-UFFIĊĊJU TAL-PARLAMENT EWROPEW F'DAR L-EWROPA
Dr. Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u l-Fondi tal-UE, ilbierah żar l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Dar l-Ewropa, fejn ingħata dettalji tal-attivitajiet li għandu ppjanati l-Uffiċċju għax-xhur li ġejjin u tkellem dwar it-tħejjijiet tal-gvern għall-Presidenza tal-UE fl-2017.
Dr. Peter Agius, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta, ippreżenta abbozz ta' programm ta' attivitajiet li l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew se jorganizza bl-għan li jinvolvi dejjem aktar lill-pubbliku fid-diskussjoni dwar l-Unjoni Ewropea u dwar dak li nistennew minnha bħala ċittadini Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari feraħ lit-tliet Membri tal-Parlament Ewropew li kienu eletti fl-elezzjoni każwali tal-ġimgħa li għaddiet, u semma l-preparamenti għall-Presidenza tal-UE, li l-gvern se jkun qed jagħmel fil-ġimgħat li ġejjin.
Dr. Agius semma kif, bħal ma' qal il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz fl-awgurju tiegħu lill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Parlament Ewropew iħares 'il quddiem għal kooperazzjoni mal-Gvern Malti, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Presidenza ta' Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017, fejn Malta jkollha t-tmun tal-Gvernijiet Ewropej f'idejha.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en