IL-GVERN SE JKUN QED JAGĦTI APPOĠĠ SĦIĦ LILL-ĠENITURI LI JAĦDMU
Il-pajjiż għadu mhux qed jieħu lura l-investiment kbir li għamel fl-edukazzjoni u t-taħriġ matul is-snin u dan hu rifless fir-ratta baxxa ta’ nisa fis-suq tax-xoghol. Dan qalitu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, waqt li kienet qed titkellem f’seminar dwar is-sehem tal-mara fil-politika, organizzat mill-Fondazzjoni Reggie Miller tal-General Workers Union.
Dr Dalli qalet li l-ġenituri għandhom jingħataw l-appoġġ kollu f’dan l-isfond. Il-Ministru tkellmet dwar it-tisħieħ tal-inċentivi favur il-familja fis-settur pubbliku u qalet li huwa importanti li ankè s-settur privat jagħmel hekk.
Dr Dalli qalet li fis-settur pubbliku hemm ħafna riżorsi umani, kif ukoll ħafna esperjenza, li m’humiex qed ikunu utilizzati mill-gvern minħabba diffikultajiet fejn jidħol work-life balance. Dawn in-nies jistgħu jirritornaw fid-dinja tax-xogħol jekk ikollhom iċ-ċans li jagħmlu użu mill-inċentivi favur il-familja.
Il-Ministru Dalli qalet li l-gvern se jkun qed jaħdem biex ġenituri li huma f’impjieg ikunu jistgħu jagħmlu użu minn servizz ta’ childcare mingħajr ħlas. Hi qalet li l-gvern irid jiżgura li programmi edukattivi wara l-ħin tal-iskola, bħall-‘Klabb 3-16’, ikunu estiżi biex jakkomodaw ġenituri li ma jaħdmux ħinijiet tal-uffiċċju. Hawnhekk Dr Dalli semmiet speċifikament lil dawk li jaħdmu fl-industrija.
Il-Ministru Dalli tkellmet dwar l-importanza li l-irġiel u n-nisa flimkien jagħrfu r-responsabbiltajiet tal-familja u dawk tax-xogħol, u flimkien jaħdmu biex isibu bilanċ.
Dr Dalli tkellmet fuq il-ħtieġa ta’ nisa fuq bordijiet governattivi, kif ukoll fl-istruttura maniġerjali tas-settur privat. Hi qalet li l-gvern se jaħdem biex id-Direttorju tan-Nisa tal-Kummissjoni għall-Promozjoni tal-Ugwaljanza, jerġa’ jiġi attivat u jkun aġġornat bl-ismijiet ta’ nisa kwalifikati u ta’ esperjenza f’diversi oqsma. B’hekk pajjiżna jkollu database ta’ nisa li jistgħu jservu fuq dawn il-bordijiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en