INTERESS MILL-KUWAIT GĦAL FTEHIM TA’ KOOPERAZZJONI MA’ MALTA FIL-QASAM AMBJENTALI
Waqt żjara ta’ korteżija li l-Ambaxxatur tal-Kuwait għal Malta Faisal S. Al-Musaileem għamel lill-Ministru Leo Brincat dalgħodu, l-Ambaxxatur wera’ l-impenn ta’ pajjiżu għal ftehim ta’ kooperazzjoni fil-qasam ambjentali bejn iż-żewġ pajjiżi. L-ambaxxatur qal li dan l-interess ilu jiġi muri sa minn Awwissu tal-2011.
Il-Ministru Leo Brincat filwaqt li laqa’ din il-proposta pożittivament qal li jinnota b’sodisfazzjon li kemm il-Gvern Malti kif ukoll il-Gvern tal-Kuwait jemmnu li t-triq tas-suċċess hija biss dik tal-iżvilupp sostennibli.
Qal li ħa gost jinnota li l-Prim Ministru tal-Kuwait, li kellu okkażżjoni jiltaqa’ miegħu ftit ilu f’Londra waqt il-funeral tal-ex Prim Ministru Ingliża Margaret Thatcher, qed jara potenzjali kbir fl-iżvilupp f’dawk li huma relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Dan speċjalment wara li f’pajjiżna diġà hawn numru sabiħ ta’ studenti mill-Kuwait jistudjaw fl-Università ta’ Malta. Brincat qal li l-Prim Ministru tal-Kuwait qallu li dawn għandhom iservu ta’ kalamita għal aktar nies mill-Kuwait lejn pajjiżna, f’diversi oqsma.
Il-Ministru Brincat qal li nnota b’sodisfazzjon ukoll li l-istess Prim Ministru tal-Kuwait ftit ilu ddikjara li minkejja li l-Kuwait jiddependi daqstant fuq il-produzzjoni taż-żejt, għal pajjiżu l-iżvilupp sostennibli huwa ta’ prijorità kbira.
Waqt il-laqgħa ta’ llum il-Ministru Leo Brincat u l-Ambaxxatur Faisal S. Al-Musaileem tkellmu wkoll dwar il-possibilità ta’ kooperazzjoni fil-ġejjieni mal-Kuwait-Mit Center for Natural Resources and the Environment flimkien mal-Kuwait Foundation for the Advancement of Sciences. U dan minħabba l-importanza li dawn jagħtu f’ħidmithom lil sistemi ta’ sostennibilità u innovazzjoni, anke fejn jidħol environmental engineering u kwistjonijiet kritiċi relatati mal-qasam ambjentali.
Il-Ministru Leo Brincat qal li jagħmel żball min jaħseb li l-iżvilupp sostennibli għandu biss dimensjoni ambjentali, għaliex daqstant ieħor huma importanti d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u anke kulturali, kif titlob l-istess Ġnus Magħquda.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en