IMPENN BIEX L-ISKOLA NAZZJONALI TAL-ISPORT TKOMPLI TIRNEXXI
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, l-Onor. Dr Stefan Buontempo, dalgħodu esprima l-impenn tal-Gvern li l-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Ħal Kirkop tkompli tirnexxi u tinkuraġġixxi kultura sportiva fil-pajjiż. Waqt żjara fl-iskola, huwa faħħar il-professjonalità u l-attenzjoni individwali li jikkaratterizzaw lil dan l-istabbiliment edukattiv.
Dr Buontempo, tkellem mal-istudenti dwar id-dixxiplina sportiva tagħhom u dwar is-suġġetti akkademiċi li qed jistudjaw. F’din l-iskola jattendu 38 student li jkollhom il-lezzjonijiet obbligatorji tal-kurrikulu bħall-bqija, iżda mas-suġġetti akkademiċi jkollhom ukoll ħin dedikat speċifikament għall-isport. Il-ħinijiet tal-lezzjonijiet huma flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw l-impenji ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali u tat-taħriġ sportiv, li wkoll isir waqt il-ħin tal-iskola.
Għas-sena skolastika li jmiss, l-iskola irċeviet 155 applikazzjoni u bħalissa qed issir valutazzjoni tal-istudenti dwar l-abbiltajiet sportivi tagħhom. Fil-bidu ta’ Lulju, huwa ppjanat li jsiru l-intervisti biex jintgħażlu l-istudenti li se jiġu ammessi.
L-Iskola Nazzjonali tal-Isport hija mmexxija mis-Sur George Micallef.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en