Left arrow Mur Lura

KONSULTAZZJONI KONĠUNTA MAL-MEUSAC U L-MCESD DWAR IL-PROGRAMM NAZZJONALI TA' RIFORMA 2013

pr0815
Date Icon 25/04/2013

Illum ġiet organizzata laqgħa konġunta bejn il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku (MCESD) u l-Core Group tal-Malta-EU Streeting and Action Committee (MEUSAC) dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) 2013.  Din il-laqgħa, li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, kienet indirizzata mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, u mill-Ministru tal-Finanzi, il-Prof. Edward Scicluna.

Fl-introduzzjoni tagħha, il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern qed jadotta attitudni iktar miftuħa biex issir iktar diskussjoni trasparenti mal-partijiet konċernati dwar diversi oqsma, b’mod partikolari dawk soċjo-ekonomiċi.  Il-Ministru Dalli tkellmet fuq il-ħtieġa li jsir sforz nazzjonali biex tinstab il-ħolqa nieqsa li hemm bejn l-edukazzjoni u l-iżvilupp nazzjonali għaliex ir-rabta ta’ bejniethom taffettwa t-tkabbir ekonomiku u l-avvanz tal-pajjiż. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi fisser kif il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2013, mhux marbut speċifikament mal-baġit li ġej, iżda huwa dokument ta’ kontinwita` li jagħti ħarsa lejn x’sar fil-passat, x’qed isir bħalissa u x’mistenni jsir fil-futur dwar il-miri tal-Istrateġija ‘Ewropa 2020’ għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.  Dawn il-miri jolqtu l-oqsma tax-xogħol u l-edukazzjoni, l-enerġija u l-ambjent, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-faqar u l-inklużjoni soċjali.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, is-Sur John Bencini, li ppresieda l-laqgħa, qal li d-dokument irid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea fil-ġranet li ġejjin u fost l-oħrajn għandu l-għan li jipprovdi dettalji dwar il-progress li sar is-sena li għaddiet f’diversi oqsma u kif Malta qed tindirizza l-isfidi soċjo-ekonomiċi.

Il-Kap tal-MEUSAC, Dr Vanni Xuereb, qal li l-laqgħa tal-lum hija opportunita` għall-membri tal-Core Group, li jirrappreżentaw lill-korpi kostitwiti, is-soċjeta` ċivili u l-partiti politiċi, biex isemmgħu leħinhom fi proċess ta’ konsultazzjoni konġunta mal-MCESD f’oqsma varji u ta’ importanza nazzjonali.

Il-PNR 2013 huwa dokument li jiffoka fuq il-miżuri l-ġodda li qed jiġu proposti, li huma konsistenti mal-istrateġija fiskali, fosthom is-sostenibbilta` tal-finanzi pubbliċi u t-tnaqqis tad-dejn pubbliku, it-tisħiħ tas-settur finanzjarju u tal-kompetittivita`, l-investiment fl-infrastruttura u l-produttivita`, il-promozzjoni ta’ ekonomija bilanċjata u diversifikata, kif ukoll settur pubbliku iktar effiċjenti u effettiv.

Fir-rapport rivedut għal Malta, ippubblikat fl-10 ta’ April 2013 dwar is-settur bankarju f’Malta, il-Kummissjoni Ewropea indikat li ftit li xejn hemm riskji għall-istabbilta` finanzjarja domestika u tgħid li l-attivitajiet bankarji  Maltin huma l-iktar iffinanzjati minn depożitu stabbli li nbena matul is-snin.

Il-PNR jintbagħat kull sena lill-Kummissjoni Ewropea, u fuqu jitfasslu rakkomandazzjonijiet speċifiċi fejn għandu jiffoka l-pajjiż.  Il-Ministru Scicluna, fil-preżentazzjoni tiegħu, spjega l-miżuri li l-Gvern se jkompli jindirizza fiż-żmien li ġej.  Fost dawn semma t-trażżin tad-defiċit u d-dejn pubbliku, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittivita`, is-sostenibbilta` tas-sistema tal-pensjonijiet, l-isfidi fis-sistema edukattiva, ir-riforma tal-COLA, it-tnaqqis fid-dipendenza taż-żejt impurtat u ż-żieda fl-użu tal-enerġija alternattiva, u t-tisħiħ tas-settur bankarju, u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali biex jonqos il-faqar.

Fost l-iktar interventi li spikkaw mill-membri preżenti tqajmu dawn il-punti:                             

L-importanza tas-settur bankarju u kif jistgħu jiġu megħjuna l-intrapriżi żgħar u medji biex tikber l-ekonomija

Miżuri biex jiżdiedu l-impjiegi, anki f’Għawdex u kif l-edukazzjoni twieġeb aħjar għad-domanda tas-suq tax-xogħol

L-eta` tal-irtirar u l-pensjonijiet

L-inklużjoni tal-immigranti irregolari fis-suq tax-xogħol

L-iżvilupp ta’ public-private partnerships (PPP) fis-settur tas-saħħa

It-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali (MCAST) u l-ħtiega ta’ studji li jevalwaw jekk l-istudenti jsibux xogħol marbut mal-istudju li jkunu segwew

Inċentivi biex iktar nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol, fosthom programmi wara l-ħinijiet tal-iskola u servizz ta’ childcare għat-tfal żgħar.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow