KONSULTAZZJONI KONĠUNTA MAL-MEUSAC U L-MCESD DWAR IL-PROGRAMM NAZZJONALI TA' RIFORMA 2013
Illum ġiet organizzata laqgħa konġunta bejn il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku (MCESD) u l-Core Group tal-Malta-EU Streeting and Action Committee (MEUSAC) dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) 2013. Din il-laqgħa, li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, kienet indirizzata mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, u mill-Ministru tal-Finanzi, il-Prof. Edward Scicluna.
Fl-introduzzjoni tagħha, il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern qed jadotta attitudni iktar miftuħa biex issir iktar diskussjoni trasparenti mal-partijiet konċernati dwar diversi oqsma, b’mod partikolari dawk soċjo-ekonomiċi. Il-Ministru Dalli tkellmet fuq il-ħtieġa li jsir sforz nazzjonali biex tinstab il-ħolqa nieqsa li hemm bejn l-edukazzjoni u l-iżvilupp nazzjonali għaliex ir-rabta ta’ bejniethom taffettwa t-tkabbir ekonomiku u l-avvanz tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi fisser kif il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2013, mhux marbut speċifikament mal-baġit li ġej, iżda huwa dokument ta’ kontinwita` li jagħti ħarsa lejn x’sar fil-passat, x’qed isir bħalissa u x’mistenni jsir fil-futur dwar il-miri tal-Istrateġija ‘Ewropa 2020’ għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Dawn il-miri jolqtu l-oqsma tax-xogħol u l-edukazzjoni, l-enerġija u l-ambjent, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-faqar u l-inklużjoni soċjali.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, is-Sur John Bencini, li ppresieda l-laqgħa, qal li d-dokument irid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea fil-ġranet li ġejjin u fost l-oħrajn għandu l-għan li jipprovdi dettalji dwar il-progress li sar is-sena li għaddiet f’diversi oqsma u kif Malta qed tindirizza l-isfidi soċjo-ekonomiċi.
Il-Kap tal-MEUSAC, Dr Vanni Xuereb, qal li l-laqgħa tal-lum hija opportunita` għall-membri tal-Core Group, li jirrappreżentaw lill-korpi kostitwiti, is-soċjeta` ċivili u l-partiti politiċi, biex isemmgħu leħinhom fi proċess ta’ konsultazzjoni konġunta mal-MCESD f’oqsma varji u ta’ importanza nazzjonali.
Il-PNR 2013 huwa dokument li jiffoka fuq il-miżuri l-ġodda li qed jiġu proposti, li huma konsistenti mal-istrateġija fiskali, fosthom is-sostenibbilta` tal-finanzi pubbliċi u t-tnaqqis tad-dejn pubbliku, it-tisħiħ tas-settur finanzjarju u tal-kompetittivita`, l-investiment fl-infrastruttura u l-produttivita`, il-promozzjoni ta’ ekonomija bilanċjata u diversifikata, kif ukoll settur pubbliku iktar effiċjenti u effettiv.
Fir-rapport rivedut għal Malta, ippubblikat fl-10 ta’ April 2013 dwar is-settur bankarju f’Malta, il-Kummissjoni Ewropea indikat li ftit li xejn hemm riskji għall-istabbilta` finanzjarja domestika u tgħid li l-attivitajiet bankarji Maltin huma l-iktar iffinanzjati minn depożitu stabbli li nbena matul is-snin.
Il-PNR jintbagħat kull sena lill-Kummissjoni Ewropea, u fuqu jitfasslu rakkomandazzjonijiet speċifiċi fejn għandu jiffoka l-pajjiż. Il-Ministru Scicluna, fil-preżentazzjoni tiegħu, spjega l-miżuri li l-Gvern se jkompli jindirizza fiż-żmien li ġej. Fost dawn semma t-trażżin tad-defiċit u d-dejn pubbliku, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittivita`, is-sostenibbilta` tas-sistema tal-pensjonijiet, l-isfidi fis-sistema edukattiva, ir-riforma tal-COLA, it-tnaqqis fid-dipendenza taż-żejt impurtat u ż-żieda fl-użu tal-enerġija alternattiva, u t-tisħiħ tas-settur bankarju, u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali biex jonqos il-faqar.
Fost l-iktar interventi li spikkaw mill-membri preżenti tqajmu dawn il-punti:
L-importanza tas-settur bankarju u kif jistgħu jiġu megħjuna l-intrapriżi żgħar u medji biex tikber l-ekonomija
Miżuri biex jiżdiedu l-impjiegi, anki f’Għawdex u kif l-edukazzjoni twieġeb aħjar għad-domanda tas-suq tax-xogħol
L-eta` tal-irtirar u l-pensjonijiet
L-inklużjoni tal-immigranti irregolari fis-suq tax-xogħol
L-iżvilupp ta’ public-private partnerships (PPP) fis-settur tas-saħħa
It-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali (MCAST) u l-ħtiega ta’ studji li jevalwaw jekk l-istudenti jsibux xogħol marbut mal-istudju li jkunu segwew
Inċentivi biex iktar nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol, fosthom programmi wara l-ħinijiet tal-iskola u servizz ta’ childcare għat-tfal żgħar.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en