Left arrow Go Back

IL-FESTA TAL-ĦALIB F’ĦAL GĦARGĦUR

pr0811
Date Icon 26/04/2013

Għar-raba’ sena konsekuttiva, bħala inizjattiva tal-Kampanja Naturalment Malti, is-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur, nhar il-Ħadd 28 t’April 2013, ser itella’ l-Festa tal-Ħalib f’Misraħ il-Knisja, Ħal Għargħur.  Din l-attività tibda mill-11.30 ta’ filgħodu ’l quddiem.

Il-parteċipanti ewlenin ta’ din l-attività huma l-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib, il-Malta Dairy Products u l-produtturi  Għawdxin tal-Ħanini Gozitan Dairy Heritage.  Se jipparteċipaw ukoll ir-rappreżentant tax-Xirka tan-Nagħaġ u l-Mogħoż, is-Sur Mario Cilia, kif ukoll  is-Sur Salvu Attard, it-tnejn li huma produtturi ewlenin tal-ġbejniet tan-nagħaġ.

F’din l-attività se jiġu mtella’ stands informattivi fosthom tal-Animal Welfare, 34U, Wasteserv u Health Promotion, kif ukoll Stands Artiġġjanali fejn se jkunu qed isiru spjegazzjonijiet fuq is-snajja’ tal-filigran, tan-newl u tar-restawr.  Waqt li tkun għaddejja din l-attività, ser jiġu mqassma mingħajr l-ebda ħlas fuljetti informattivi dwar il-ħalib. 

Waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali f’din l-attività se tkun il-Wirja tal-Bhejjem tal-Ħlib u spjegazzjoni dettaljata fuq ġurnata tipika fil-ħajja tar-raħħal Malti u s-sengħa tiegħu. Din il-wirja se tkun imtella’ u kkordinata mill-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib. Se jsir ukoll il-ħlib tal-bhejjem fil-pjazza. 

Attrazzjoni oħra se tkun mawra ġewwa razzett tipiku tal-baqar tal-ħlib. Se jkun hemm servizz ta’ shuttle bejn il-11:30 ta’ filgħodu u t-3:30 ta’ wara nofsinhar għall-prezz ta’ €1. Din se tkun qiegħda twassal lill-pubbliku f’razzett fejn filwaqt wieħed ikun jista’ jara il-bhejjem fl-ambjent normali tagħhom, ikollu spjegazzjoni ta’ kif jiffunzjona dan ir-razzett.

Min jixtieq jirrilassa ftit u fl-istess ħin igawdi naqra arja friska, jista’ jmur dawra mar-raħal pittoresk tal-Għargħur fuq it-Trackless Fun Train, li se tkun qed tiġbor lin-nies miċ-ċentru ta’ din l-attività.

Ma jistax jonqos li f’festa bħal din, wieħed ikollu l-opportunità li jsib jixtri diversi prodotti tal-ikel u xorb, kollha bbażati fuq il-ħalib. Wieħed se jkun jista’ isib ukoll ħelu tipikament Malti bħal kannoli, ġelati, imqaret, qubbajt, biskuttini, eċċ.  Ma jonqsux prodotti agrikoli bħal pjanti, xtieli, ħwawar, u prodotti lokali oħrajn kollha marbuta mat-tradizzjoni. 

Għal din l-okkażjoni l-istabbiliment Apetitosa Confectionery, ġentilment qiegħed joffri torta ta’ madwar 100kg tal-irkotta ħelwa biex  tiġi offruta lill-pubbliku għal donazzjoni b’risq il-fond Puttinu Cares.

Dan kollu se jkun għaddej fil-pjazza tal-Għargħur fi sfond ta’ divertiment kontinwu għall-gosti tal-familja kollha u li jvarja minn marċi, kant, żfin, sketches, face painting u ħafna iktar.

Naturalment Malti, li huwa sinonimu mal-promozzjoni tal-prodotti u l-produtturi lokali, qed jistinka sabiex permezz ta’ din il-festa jenfasizza l-importanza u l-benefiċċji tal-ħalib lokali u l-prodotti li ġejjin minnu, filwaqt li jaħdem sabiex it-trobbija tal-bhejjem tal-ħlib, jiġifieri baqar, nagħaġ u mogħoż, sengħa tradizzjonali antika, tibqa’ ħajja.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista jżur is-sit www.mrra.gov.mt, jibgħat email fuq naturalmentmalti.mrra@gov.mt, jew iċempel fuq 22924110/130/179.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow