IL-GVERN SE JKUN QED JINTRODUĊI CHILDREN’S ACT U CHILD POLICY
Waqt konferenza dwar id-drittijiet tat-tfal fil-foster care organizzata mid-dipartiment tal-Liġi Ċivili fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta, mill-Programm għad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali għall-Foster Care, l-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali l-Onorevoli Marie-Louise Coleiro Preca qalet li dan il-Gvern se jkun qed jintroduċi Children’s Act u Child Policy biex jissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi tat-tfal.
Coleiro Preca qalet li Children’s Act u Child Policy se jiġu ntrodotti wara konsultazzjoni wiesa’ mal-istakeholders kollha, nkluż it-tfal.
Fl-indirizz tagħha f’din il-konferenza, l-Ministru Coleiro Preca qalet li dan il-Gvern huwa mpenjat li jagħti vuċi effettiva lit-tfal. Spjegat kif ikkumparat ma’ pajjiżi Ewropej, pajjiżna nżamm lura minn żvilupp leġislativ u strutturi amministrativi importanti biex jitħarsu aħjar id-drittijiet tat-tfal.
Il-Ministru spjegat kif għall-kuntrarju li sar taħt amministrazzjoni preċedenti, l-Gvern se jkun verament jindirizza l-bżonnijiet tat-tfal b’deċiżjonijiet fil-ħin u fl-aħjar interess tagħhom.
Saħqet li t-tfal mhux biss huma l-futur imma anki l-preżent u għalhekk jeħtieġ li jkollna strateġiji li jaħsbu fit-tul fejn nagħtu l-aħjar ambjent lit-tfal tagħna.
Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Gvern mhux biss se jkun qed isaħħaħ id-drittijiet tat-tfal iżda anki l-Foster Care Act li għandu bżonn jiġi emendat ħalli jindirizza l-bżonnijiet tat-tfal fostered u anki tal-foster carers.
Il-Ministru elenkat kif dan il-Gvern se jkun qed jaħdem biex iwaqqaf ċentru għall-Fostering u l-Addozzjoni biex mhux biss iservi ta’ referenza imma anki jgħin lil carers u ġenituri prospettivi.
Coleiro Preca spjegat kif dan il-Gvern se jkun qed jaħdem id f’id mas-Segretarjat Parlamentari tal-Ġustizzja biex tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ kif tfal li jinsabu out-of-home care jiġu addottati.
Fid-dawl li fl-aħħar għaxar snin in-numru ta’ tfal out-of-home care irdoppja, l-Onorevoli Coleiro Preca qalet li hemm bżonn urġenti li nindirizzaw din il-problema billi naraw x’qed jiġri fis-soċjeta’ tagħna.
Bil-kontra ta’ dak li sar qabel fejn il-problemi ġew indirizzati meta nqalgħu, dan il-Gvern se jkun pro-attiv billi jinvesti fi programmi ta’ prevenzjoni u jipprovdi aktar riżorsi lill-familji Maltin ħalli t-tfal ikollhom l-aħjar trobbija u ambjent.
Il-Ministru qalet li l-Gvern huwa determinat li jindirizza sitwazzjonijiet problematiċi bħas-seperazzjoni tal-aħwa li jkollhom bżonn out-of-home care ħalli dawn it-tfal li huma fost l-aktar vulnerabbli nagħtuhom ħajja aħjar u ta’ dinjita’, bl-anqas possibilita’ t’aktar trawmi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en