STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Priorita` għall-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin
Fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem li se tiġi ċċelebrata nhar l-Erbgħa, l-Prim Ministru Joseph Muscat żar iż-żona industrijali tax-Xewkija f’Għawdex. Huwa ltaqa’ mal-industrijalisti u l-ħaddiema Għawdxin fil-kumpaniji Ta’ Mena Wine Makers Ltd, Carefree, Wood Lab u Farmer’s Food.
Ta’ Mena Wine Makers Ltd
Din il-kumpanija, li tipproduċi inbid lokali, taf il-bidu tagħha fl-2007 u llum tħaddem tlettax-ilpersuna fuq bażi full time u fi żmien il-ħsad in-numru ta’ ħaddiema jitla’ għal ħamsin.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern flimkien mas-settur privat se jkun qed iħares ‘il quddiem biex jitħabbar il-programm ta’ agrituriżmu li se jkun niċċa turistika ġdida għal Għawdex li se toħloq impjiegi ġodda ta’ kwalità għall-Għawdxin f’Għawdex stess.
Id-Direttur Manigerjali, s-Sur Joe Spiteri, fisser kif il-kumpanija stabilixxiet ruħha kemm fis-suq lokali kif ukoll fis-suq internazzjonali minkejja l-kompetizzjoni fis-suq. Illum il-kumpanija tesporta lejn il-Germanja, l-Ingilterra, l-Awstralja u fi żmien qasir se tibda tesporta ukoll lejn Hong Kong fiċ-Ċina. Is-Sur Spiteri qal li Għawdex jista’ joffri prodott uniku grazzi għall-elementi naturali li jeżistu fil-gżira Għawdxija.
Carefree
Il-kumpanija Carefree, li tispeċjaliżża f’xogħlijiet tat-tessuti bħal kisi ta’ salotti, siġġijiet u manifattura ta’ għamara, ilha topera sa mill-1985. Hija mmexxija mis-Sur Peter Hili u tħaddem għaxar persuni fuq bażi full time.
Il-Prim Ministru iltaqa’ mal-ħaddiema fejn sema’ mingħandhom il-problemi li kienu jiffaċċjaw fil-passat u l-ħsibijiet tagħhom għall-futur.
Wood Lab
Din il- fabbrika tipproduċi xogħlijiet ta’ għamara. Hija mmexxija mis-Sur George Zammit. Ilha topera fis-sit industrijali tax-Xewkija Għawdex sa mill-1997 u llum il-ġurnata tħaddem għaxar impjegati. L-istess problema ta’ kompetizzjoni qawwija tqajmet ukoll minn din l-ażjenda imma b’ sens ta’ unur il-direttur Maniġerjali stqarr li d-domanda mis-suq Malti hija waħda inkorraġġanti għall-futur.
Il-Prim Ministru iltaqa’ mal-ħaddiema ta’ din il-fabbrika.
Farmer’s Food
Din hija kumpanija imħadma mill-Familja Spiteri kienet stabilita fl-1988 u tispeċjalizza fuq prodotti magħmula mit-tadam imkabbar f’ Għawdex stess. Il- kumpanija hija impenjata li toffri prodott ta’ kwalità u b’ differenza minn prodotti simili magħmula lokalment. Dan għaliex il-kumpanija Farmer’s Food ma żżid l-ebda additive mat-tadam li tuża. Il-Kumpanija tiproduċi kunserva u prodotti oħra taħt il-marka Rosita. Id-Direttur Maniġerjali stqarr li jinsab diżappuntat li qatt ma ibbenefika minn fondi Ewropej.
Il-Prim Ministru qal li ser issir evalwazzjoni ta’ kif l-intrapriżi żgħar u medji ser jibdew jiġu mgħejuna mill-Gvern sabiex jingħataw kull għajnuna possibbli kemm lokalment kif ukoll rigward finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru jiltaqa’ mal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija
Waqt iż-żjara li għamel il-Prim Ministru dalgħodu f’Għawdex flimkien mal-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo, is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità Dr Franco Mercieca u id-Deputata Għawdxija Dr Justyne Caruana, iltaqa’ mal-kamra tal-kummerċ Għawdxija.
Is-Sur Michael Grech stqarr li bħala karma tal- kummerċ lesti li jaħdmu mal-Gvern Ġdid għall-ġid komuni f’Ghawdex. Stqarr ukoll li kif ilha tisħaq il-kamra tal-kummerċ Għawdxija ser tkompli tisħaq li Għawdex għandu jiġi stmat differenti minn Malta.
Il-Prim Ministru min-naħa tiegħu stqarr li l-impenn tal-gvern imexxi minnu qed jiġi attwat tant li fl-ewwel jiem ta’ gvern ġdid ġew imnedija żewġ proġetti kapitali kbar li beħsiebhom joħolqu x-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Iż-żewġ proġetti huma mistennija li jiġu imħaddma flimkien mas-settur privat sabiex b’hekk il-gvern ikun qed jgħin lill-industrijalisti Għawdxin ikomplu jiżviluppaw u joħolqu iktar postijiet tax-xogħol. Il-Prim Ministru rrefera għall-proġett tal-‘Cruise Liner Terminal’ kif ukoll għall-bini ta’ Casino ġdid f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en