JOANNE CASSAR TAGĦMEL ŻJARA SORPRIŻA LILL-MINISTRU HELENA DALLI
Joanne Cassar riedet turi l-apprezzament tagħha għal kif il-gvern il-ġdid mill-ewwel ħa azzjoni konkreta biex hija u nies oħra transgender ikollhom id-drittijiet tagħhom bħal kull persuna oħra. Hija faħħret il-mod għall-fatt li anke ntlaħaq ftehim barra l-qorti fil-kawża li kienet fetħet mal-Qorti Ewropeja għad-drittijiet tal-bniedem.
Cassar temmen li ma kellhiex tgħaddi mid-tbatija u l-inkwiet kollhu li għaddiet minnhom għal ħafna snin biex ħadet dak li qatt ma kellu jkun miċħud lilha.
Joanne Cassar irringrazzjat lill-Ministru għal-Libertajiet Ċivili u Djalogu Soċjali, Dr Helena Dalli, għall-interess personali li ħadet fil-każ u għall-mod kif indirizzat il-problema minnufih, mhux biss għaliha imma għal kull min qiegħed jgħix ir-realtà tagħha.
Dr. Dalli qalet li tapprezza l-ġest ta’ Joanne, però enfasizzat li ma kinitx qed tagħmel xi pjaċir imma dak li sar, sar bi dritt għal min għandu bżonnu. Dalli qalet li huwa d-dover ta’ kull persuna li għandha l-poter li tibdel l-affarijiet għall-aħjar, li tagħmel hekk. Dalli qalet li jiddispjaċieha li Joanne kellha taħli ħafna snin tissielet għal dritt li kellu jkun tagħha. Qed nitkellmu fuq drittijiet umani li ħadd m'għandu jiċħad lil ħadd minnhom. Huwa d-dover ta’ kull gvern li jara li kull persuna tgawdi d-drittijiet umani li jgawdi kullħadd.
Il-Ministru awgurat lil Joanne għall-ħajja tagħha u qalet li hija tispera li l-każ tagħha jkun strumentali biex jitneħħew il-preġudizzji u jgħin biex inbiddlu l-attitudnijiet u l-kultura tal-mod kif għad hawn min fis-soċjetà tagħna jħares u jaġixxi fil-konfront tal-minoranzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en