IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU JINDIRIZZA L-EWWEL LAQGĦA TAL-BORD TAD-DIRETTURI TAL-AIR MALTA
Il-bieraħ saret l-ewwel laqgħa tal-Bord tad-Diretturi l-ġdid tal-Air Malta mmexxi miċ-Chairman Raymond Fenech u li għaliha kien preżenti l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella.
F’kummenti li ta lill-ġurnalisti fil-bidu tal-laqgħa, il-Ministru Karmenu Vella saħaq li dan il-Bord għandu ħafna kontribut x’jagħti lill-kumpanija Air Malta li bħalissa għaddejja minn pjan ta’ ristrutturar.
Elenka l-prijorità ewlenija li se jkollu quddiemu l-Bord, dik li jara li dak li kien maqbul fil-pjan ta’ ristrutturar bejn il-Gvern u l-kumpanija mal-Kummissjoni Ewropea jiġi attwat.
“Nafu li d-diffikultajiet qegħdin hemm iżda għandna fiduċja sħiħa fil-management u fl-istaff tal-kumpanija” tenna l-Ministru Karmenu Vella. “Fuq kollox għandna fiduċja fl-opportunitajiet li t-turiżmu qed joffri” saħaq il-Ministru għat-Turiżmu.
Semma kif l-Air Malta tibqa’ prinċiparjament mibnija fuq ix-xogħol turistiku u sostna li sew il-potenzjal kif ukoll l-opportunitajiet qegħdin hemm.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li bħala s-sid tal-kumpanija, il-gvern se jkun qed jagħti direzzjoni lill-Bord biex dan ifassal il-policy li mbagħad tgħaddi għand il-management tal-Air Malta biex flimkien mal-istaff tkun implimentata.
Filwaqt li rringrazzja lill-Bord ta’ qabel għax-xogħol li wettaq, il-Ministru Karmenu Vella rringrazzja lill-membri kollha tal-Bord il-ġdid li aċċettaw il-ħatra li jirrappreżentaw lill-gvern fuq il-kumpanija filwaqt li awguralhom xogħol siewi u wegħedhom l-appoġġ totali min-naħa tal-Gvern.
Il-laqgħa kompliet fejn saret l-ewwel preżentazzjoni mill-management tal-kumpanija dwar l-operat u l-progress tal-kumpanija Air Malta bħalissa u fejn din mistennija tasal.
Il-membri kollha tal-Bord il-Ġdid huma:
Chairman – Is-Sur Raymond Fenech
Membri – Is-Sur Joseph A Gasan
Is-Sur Norman Spiteri
Is-Sur Eric P. Fenech Pace
Is-Sja Karen Bugeja
Is-Sur Joseph Borg
Is-Sur Chris Grech
Is-Sur George Micallef
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en