IL-MALTA BUSINESS BUREAU F’LAQGĦA KONĠUNTA MAL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU U L-MINISTRU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ŻGĦAR
F’laqgħa li saret illum waranofsinhar fil-Lukanda Phoenicia mal-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella u mal-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar l-Onor. Chris Cardona, il-Malta Business Bureau preżentat studju li għamlet dwar problemi li qed isibu l-intrapriżi lokali biex ikollhom aċċess għall-fondi meħtieġa biex ikomplu jespandu.
F’indirizz li għamel il-President tal-Malta Business Bureau George Vella semma kif l-istudju juri kif madwar 30% tal-intrapriżi lokali qed isibuha diffiċli biex ikollhom il-fondi neċessarji.
Tkellem fuq l-importanza li l-iscreening li jrid isir mill-Malta Enterprise u mill-banek lokali jitmexxa aktar b’sinerġija sabiex l-intarpriżi jkunu mgħejuna aħjar.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella ddeskriva s-settur tat-turiżmu bħala wieħed li jesplora kull opportunità biex ikun jista’ jespandi u saħaq li hemm bżonn ta’ investiment kontinwu biex ikun hemm diversifikazzjoni.
Qal li l-aċċess għall-finanzi jikkumplimenta n-numru ta’ inċentivi li jittieħdu mill-gvernijiet biex jgħinu lil dan is-settur.
Saħaq fuq l-importanza tal-profitabilità fis-settur tat-turiżmu u qal li jekk ma jkunx hemm profitt, dan is-settur jeħel.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella qal li l-gvern iħares lejn it-tipi differenti ta’ skemi ta’ finanzjament lill-intrapriżi bħala mod ta’ għajnuna lil dawk li jixtiequ li jimmaterjaliżżaw l-ideat li jkollhom.
Qal li l-gvern qed jagħti l-importanza li tixraqlu dan is-settur tant li ħatar Segretarju Parlamentari li hu nkarigat biss minn dan is-settur.
Karmenu Vella faħħar l-inizjattiva tal-Malta Business Bureau li tlaqqa’ ż-żewġ Ministeri flimkien u awgura li jkun hemm aktar ħidma bejn il-partijiet li minnha tista’ tibbenefika l-ekonomija Maltija kollha.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr Chris Cardona f’isem il-Gvern irringrazzja lill-Malta Business Bureau tas-servizz li qed jagħtu lill-kommunità kummerċjali Maltija meta qed isservi ta’ pont bejn il-Membri tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija u tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Restoranti u l-Unjoni Ewropea. “Ċertament is-servizz li qed jagħti l-MBB huwa ta’ importanza kbira għar-realtajiet li qed jiffaċċaw l-imprendituri Maltin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ leġiżlazzjoni u politika Ewropea” qal il-Ministru Cardona.
Dr Chris Cardona qal li dan l-istudju – Market Gaps in Access to Finance and the feasibility of new financing instruments in the EU addressing the credit needs of Maltese Business - huwa relevanti ħafna għaliex nafu kemm hija issue serja għall-intrapriżi, partikolarment dawk żgħar, biex isibu aċċess għal kapital neċessarju biex jiffinanzjaw il-proġetti tagħhom.
“Il-Gvern jikkonsidra n-negozji ż-żgħar bħala protagonisti fit-twettieq tal-mira ċentrali li pajjiżna jilħaq tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd. Għalhekk se jkun qed imexxi bi politika li tagħti l-akbar spazju lis-settur privat u s-self employed, politika li tnaqqas il-burokrazija żejda u l-government induced costs, politika li tiffaċilita l-aċċess responsabbli għall-finanzjament biex in-negozji jkomplu jinvestu, jikbru u joħolqu aktar xogħol.”
Għalhekk quddiem dawn il-Commitments fil-programm tal-Gvern, il-Ministru Cardona qal li tkompli tikber l-importanza u r-relevanza ta’ dan ir-rapport imħejji mill-Malta Business Bureau.
F’dan il-kuntest, il-Ministru Chris Cardona semma wkoll l-iskemi MicroInvest, Jeremie Micro Credit, Micro Guarantee u B.Start. Qal li l-Gvern huwa kommess li dawn l-iskemi li bdew taħt l-amministrazzjoni preċedenti jiġu estiżi u msaħħa, filwaqt li jkun iffaċilitat il-proċess biex negozju jikkwalifika għal dawn l-iskemi.
Il-Gvern huwa kommess ukoll li b’ħidma u sinerġija mal-banek, u permezz tal-użu aħjar ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, joħloq skemi ġodda li jgħinu lin-negozji jiffaċilitaw l-aċċess responsabbli għall-finanzament kemm għal working capital u anki għall-investiment biex ikomplu jtejbu l-operat tagħhom, jinvestu u jkabbru.
Il-Ministru Cardona qal li fi zmien li ġej il-gvern se jkun ukoll qed jaħdem biex jinkoragixxi, flimkien mas-settur privat, inizjattivi li jipprovdu Venture Capital Funds u Business Angel Funds.
Dawn iservu bħala fondi inizjali ta’ kapital għall-kumpaniji partikolarment dawk żgħar u medji jew li għadhom deħlin fis-suq b’ideat ġodda u innovattivi, u għall-oħrajn li jridu jippenetraw swieq ġodda.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en