L-ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS JILTAQA’ MAL-ĦADDIEMA TAL-BORŻA TA’ MALTA
L-Onor. Edward Zammit Lewis, Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku, għamel żjara uffiċjali fil-Borża ta’ Malta (Malta Stock Exchange), il-Belt. Matul din iż-żjara s-Segretarju Parlamentari kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-Management u l-istaff tal-Borża u jsir jaf iżjed dwar l-operat u l-funzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li l-Borża qed taqdi funzjoni importanti fl-ekonomija tagħna billi tipprovdi sors alternattiv fejn il-Gvern kif ukoll kumpaniji jistgħu jirrikorru għand il-pubbliku għall-kapital, permezz tal-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji. Tul dawn l-aħħar 21 sena, minn kemm ilha li ġiet imwaqqfa l-Borża, rajna żviluppi sinifikanti fis-suq, kemm permezz tad-dħul ta’ strumenti finanzjarji differenti ġejjin minn firxa wiesgħa tas-setturi tal-ekonomija ta’ Malta u kemm permezz ta’ żieda sostanzjali fin-numru ta’ investituri li rrikorrew ghas-suq kapitali sew fuq is-suq primarju kif ukoll dak sekondarju.
L-Onor. Edward Zammit Lewis saħaq li minkejja l-isfidi, il-Borża ta’ Malta rnexxielha tibqa’ tkabbar in-negozju fuq is-suq kapitali u l-proċess ta’ popolarizzazzjoni tal-investimenti kompla b’numru dejjem jiżdied ta’ investituri li jirrikorru l-Borża. Madankollu fadal ħafna xi jsir. Għadna ’l bogħod milli jkollna parteċipazzjoni attiva tal-poplu bħala azzjonist f’kumpaniji lokali. Filwaqt li investiment fi strumenti bħal bonds għandu jibqa’ jiġi sostnut, daqstant ieħor huwa importanti li nsaħħu u ninkoraġġixxu aktar investituri jipparteċipaw f’isħma ta’ kumpaniji, b’mod speċjali dawk lokali.
“Irridu naraw li sseħħ din il-bidla fil-mentalità għax b’hekk biss nistgħu niżguraw li l-Borża tkun ħolqa dejjem aktar importanti fis-settur finanzjarju Malti, li tgħin per eżempju biex kumpaniji żgħar b’potenzjal qawwi ta’ innovazzjoni jsibu mezz li bih isibu l-kapital neċessarju sabiex ikomplu jiżviluppaw, jikbru, isiru aktar kompetittivi u finalment ikunu sors ieħor ta’ impjiegi ta’ kwalità. F’ambjent fejn qed tiżdied il-pressjoni fuq introduzzjoni ta’ kunċetti bħal venture capital u bank għall-iżvilupp, il-Borża ta’ Malta għandha titqies bħala ħolqa importanti fil-katina ta’ sors ta’ ffinanzjar tal-intrapriża privata lokali. Il-Borża ta’ Malta għandha tkun katalista f’dan il-proċess kollu. Inħoss li minn dan il-lat, minkejja x-xogħol siewi li sar, hemm ħafna fejn wieħed għad irid jimxi ’l quddiem.” kompla l-Onor. Edward Zammit Lewis.
L-Onor. Edward Zammit Lewis spiċċa d-diskors tiegħu billi saħaq li l-Gvern huwa kommess li jibqa’ jsostni u jippromwovi l-iżvilupp mhux biss tal-Borża izda tas-settur tas-servizzi finanzjarji kollu biex Malta tkompli tiżviluppa bħala ċentru finanzjarju internazzjonali, imsejjes fuq sisien ta’ regolamenti sodi, transparenza u professjonaliżmu.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en