RAĦĦALA ŻRIERAQ: FESTA TA’ TRADIZZJONIJIET MALTIN
It-Tnejn filgħaxija, fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali, l-Onor José Herrera, indirizza Konferenza tal-Aħbarijiet li matulha ngħataw l-aħħar dettalji b’rabta ma’ Raħħala Żrieraq. Din l-attività ser tkun qed tiġi organizzata mill-Kumitat Amministrattiv ta’ Bubaqra.
Is-Segretarju Parlamentari qal li attivitajiet bħal dawn juru l-impenn li għandhom il-Kunsilli Lokali lejn il-lokalitajiet tagħhom. Huwa qal li s-Segretarjat tiegħu jappoġġja bis-sħiħ is-sehem li jagħtu l-Kunsilli Lokali u għalhekk bħalissa qed isiru diskussjonijiet intensivi ma’ dawk involuti biex dan l-impenn jissaħħaħ.
L-attività Raħħala Żrieraq ser issir nhar is-Sibt fit-8.00pm u ser ikun hemm diversi displays b’atturi libsin kostumi tradizzjonali fi sfond ta’ razzett, ambjent, u dar tipika tar-raħħal Malti. Ser ikun hemm ukoll numru ta’ atturi libsin kostumi tradizzjonali biex juru l-ħajja tar-raħħala fi żmien l-imgħoddi kif ukoll wirja b’bhejjem bħal nagħaġ u mogħoż ħajjin.
Is-Sindku taż-Żurrieq Ignatius Farrugia qal li ser ikun hemm ukoll wirja u stands ta’ artiġjanat, drawwiet, għodod, għana tradizzjonali Malti, u tradizzjonijiet Maltin antiki relatati mar-raħħala.
Ċertu wirjiet ser ikunu jikkonsistu wkoll f’daqq ta’ strumenti tradizzjonali bħal kitarra, ż-żaqq, żafżafa, tanbur, l-argunett u l-kunċertina. Ser isir ukoll teatrin tat-triq li jikkonsisti f’diversi kummiedji qosra.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en