IL-MINISTRU GEORGE VELLA JINDIRIZZA L-KUNSILL TAL-AFFARIJIET GENERALI TAL-UNJONI EWROPEA
Meta indirizza l-Kunsill tal-Affarjiet Ġenerali, il-Ministru Vella estenda l-apprezzament tiegħu lill-Presidenza Irlandiża għad-diskussjonijiet li qiegħda tmexxi mal-Parlament Ewropew dwar il-Programm Finanzjarju għas-snin 2014–2020, u awgura li d-differenzi li jeżistu jiġu megħluba, sabiex ix-xogħol dwar il-finanzjament li għaddej fil-pajjiżi membri jitħaffef, u l-ekonomiji tal-pajjiżi membri jirċievu r-riżorsi li huma tant bżonnjużi sabiex jiġġeneraw tkabbir u jinħolqu l-postijiet tax-xogħol.
Il-Ministru Vella qal li Malta lesta li taħdem mal-Presidenza u l-Parlament Ewropew sabiex jintlaħaq qbil kemm jista’ jkun malajr. Malta saħqet ukoll li huwa importanti li dawn id-diskussjonijiet ma jwasslux għal reviżjoni tal-allokazzjoniet li għandu pajjiżna. Il-Ministru Vella qal li dan jista’ joħloq inċertezzi legali, kemm għall-benefiċjarji, kif ukoll għan-negozji tagħna. F’dawn iz-żminijiet u ċirkostanzi, dan jista’ jfisser tfixkil, kemm finanzjarju, kif ukoll amministrattiv tal-programmi, bl-effetti negattivi kollha li dan jista’ jkollu fuq il-finanzi pubbliċi tagħna.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll l-inizzjattiva ta’ erba’ Ministri tal-Affarjiet Barranin f’Marzu li għadda dwar id-demokrazija, il-valuri fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem. Malta, bħal ħafna membri oħra tal-Kunsill, saħqet dwar l-importanza ta’ dawn il-valuri iżda awgurat li wieħed jinqeda bi strumenti eżistenti ta’ monitoraġġ, kif ukoll bil-koperazzjoni li l-Unjoni għandha ma’ istituzzjonijiet oħra, bħalma hu l-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Kunsill innota wkoll il-progress tal-Kosovo, is-Serbja u l-fYROM fil-mixja tagħhom sabiex isiru membri tal-Unjoni Ewropea. Rigward id-djalogu ta’ bejn il-Kosovo u s-Serbja, il-Ministru Vella esprima l-apprezzament tiegħu lir-Rappreżentanta Għolja u l-Kummissarju Fule għal qbil li ntlaħaq bejn il-Kosovo u s-Serbja u awgura li issa huwa important li dan il-qbil jiġi implimentat.
Wara l-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, il-Ministru ħa sehem fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. Il-Kunsill fetaħ b’diskussjoni fuq is-sigurtà tal-enerġija, bl-attendenza wkoll tal-Kummissarju Günther Oettinger. Id-delegazzjonijiet iffokaw fuq il-kuritur tal-gass tan-Nofsinhar (Southern gas corridor) u l-konsiderazzjonijiet ġeopolitiċi relatati mal-bidliet fil-mudell globali tal-provvista tal-enerġija, sabiex tiġi assigurata provvista affidabbli u bi prezzijiet effettivi għall-UE. Dibattitu dwar l-enerġija se jsir ukoll fis-summit tal-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Mejju 2013, fejn se jattendi ukoll il-Prim Ministru.
Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin iddiskuta wkoll l-instabbilità u l-vjolenza f'partijiet tan-naħa t’isfel tal-Mediterran (magħrufa bħala Southern Neighbourhood), b’mod partikolari l-ostilitajiet kontinwi fis-Sirja. Il-Ministri kkundannaw il-livell terribli ta’ vjolenza li qed tkompli teskala aktar minn sentejn wara l-bidu tal-kunflitt.
Il-Ministru George Vella kkundanna l-vjolenza inaċċettabbli fis-Sirja, u ddikjara li l-UE għandha tkabbar l-isforzi tagħha sabiex tinstab soluzzjoni politika. Huwa enfasizza li l-UE tista’ u għandha jkollha rwol aktar attiv fl-approċċ internazzjonali lejn ir-reġim ta’ Assad, u seħaq fuq l-importanza li l-Unjoni ssaħħaħ l-għajnuna umanitarja. F’dan ir-rigward, il-Ministru Vella rrefera wkoll għall-kriżi umanitarja fil-Libanu b’effett ta’ dak li qed jiġri fis-Sirja. Il-Ministri Ewropej qablu li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel minn kollox sabiex il-Libanu jingħata kull għajnuna possibli sabiex tittaffa l-qagħda prekarja tar-refuġjati.
Punti oħra li ġew diskussi kienu s-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Mali; l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea lejn ir-riformi u d-demostrazzjonijiet fil-Myanmar/Burma; kif ukoll il-preparamenti għal-laqgħa tal-Ministri tal-Eastern Partnership li ser issir fl-Lulju u s-summit li ser isegwi f’Novembru ġewwa Vilnius.
Fil-marġini tal-Kunsill tal-Ministri, il-Ministru kellu laqgħa ta’ korteżija mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Irlanda, Eamon Gilmore. L-Irlanda qed tassumi l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ Ministri qablu li jaħdmu flimkien f’dawk l-oqsma tal-politika barranija ta’ rilevanza għaż-żewġ pajjiżi u fejn għandhom pożizzjoni komuni. Barra minn hekk, id-Deputat Prim Ministru Irlandiż offra li jaqsam l-esperjenza ta’ pajjiżu fit-tmexxija tal-Presidenza tal-UE fuq il-livell politiku u amministrattiv fid-dawl tal-Presidenza tal-Unjoni li se tmexxi Malta matul l-ewwel nofs tal-2017.
Fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Affarjiet Ġenerali u tal-Affarijiet Barranin, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Onor George Vella, kien akkumpanjat mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, l-Ambaxxatriċi Marlene Bonnici.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en