IMNIEDI L-KUNSILL KONSULTATTIV DWAR DRITTIJIET ĊIVILI TA’ PERSUNI LGBT
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, nediet il-Kunsill Konsultattiv li se jkun qed jagħti pariri u jressaq proposti lill-Gvern, kif ukoll jipprepara abbozzi ta’ liġijiet, li jikkonċernaw il-komunità LGBT.
Dan il-Kunsill, li kien imwiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali, twaqqaf wara li l-ġimgħa li għaddiet tressaq quddiem il-Parlament abbozz biex jiġi emendat il-kodiċi ċivili sabiex persuni li għamlu l-gender re-assignment surgery ikunu jistgħu jiżżewwġu l-persuna tas-sess oppost.
Il-Ministru Dalli ħabbret li l-Kunsill Konsultattiv se jkun kompost minn għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet ta’ persuni LGBT. Dawn l-għaqdiet għandhom l-esperjenza u l-għarfien neċessarju, kif ukoll aċċess għar-riċerka, li jagħmilhom esperti f’dan il-qasam.
L-ewwel prijorità ta’ dan il-Kunsill Konsultattiv se tkun li jipprepara abbozz ta’ liġi li permezz tagħha persuni tal-istess sess ikunu jistgħu jingħaqdu formalment f’unjoni civili. Aktar tard dan il-Kunsill se jkun qed jaħdem fuq abbozz ta’ liġi li tirregola l-identifikazzjoni tal-persuni trans-gender.
Dr Dalli qalet li “l-Gvern diġà beda jħaddem politika li tassigura rispett sħiħ lejn id-diversità”. Hi żiedet tgħid li l-Gvern huwa kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u qed jaħdem biex jeqred l-omofobija. F’dan l-isfond, il-Ministru Dalli qalet li s-soċjetà għandha tindirizza l-omofobija permezz ta’ aktar edukazzjoni, fost l-oħrajn. Dr Dalli qalet li l-edukazzjoni u l-għarfien f’dan il-qasam irid jibda jingħata lit-tfal sa minn età żgħira. Hi qalet li l-Gvern huwa impenjat li jieħu miżuri biex jindirizza bis-serjetà l-problema tal-fastidji u l-bullying fl-iskejjel. Il-Gvern huwa impenjat ukoll li jiġġieled ir-reati ta’ mibgħeda (hate crimes). Il-Ministru Dalli qalet li l-edukazzjoni għandha tkun waħda ffokata fuq iċ-ċelebrazzjoni tad-diversità u kontra l-preġudizzji.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern jemmen f’soċjetà miftuħa u ħielsa li tħares id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, fejn fiha kulħadd ikun jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
L-għaqdiet mhux governattivi li se jkunu fuq dan il-Kunsill Konsultattiv huma: il-Malta Gay Rights Movement (MGRM), il-grupp Kattoliku ‘Drachma’, l-għaqda tal-ġenituri ta’ persuni LGBT ‘Drachma Parents Support Group’, il-grupp ta’ student universitarji LGBT ‘We Are’, il-Fondazzjoni ADITUS, u LGBT Labour.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en