IL-PRESIDENT U S-SINJURA ABELA JNIEDU L-ATTIVITÀ MELA DARBA FIL-KASTELL
Il-President u s-Sinjura Abela ħabbru d-dettalji dwar l-attività li se ssir f’Mejju fil-Palazz tal-Verdala Mela Darba Fil-Kastell. Din l-attività hija mtella’ mill-Malta Community Chest Fund u se tkun maqsuma fuq jumejn li se jkunu ddedikati lejn it-tfal sabiex il-ġenituri jew dawk li jieħdu ħsiebhom ikunu jistgħu jqattgħu mumenti sbieħ f’atmosfera tal-ħolm.
Claire Agius Ordway spjegat kif il-Palazz tal-Verdala ser ikun imlibbes u mimli b’karattri li joħolmu dwarhom it tfal fosthom Cinderella, Goldilocks, Harry Potter , Rapunzel, Robin Hood u ħafna oħrajn. Il-Karattri se jkunu qed jilħqu etajiet differenti u kull karattru ser jagħti esperjenza differenti, bħal story telling, logħob, maġija u ħafna iktar
Fil-ġonna ta’ madwar il-Palazz ser ikunu għaddejjin diversi attivitajiet oħra, bħal archery u obstacle races li se jkunu mmexxija minn karattri bħal ta Hercules u Robin Hood.
Tema oħra se tkun ta’ Alice in Wonderland u it-Tea Party li se tkun qed torganizza u flimkien ma’ Superheroes l-iktar popolari mat-tfal se jagħtu tips lit-tfal kif huma wkoll jistgħu jkunu superheroes.
Il-President George Abela spjega li ntgħażel il-weekend ta’ Jum l-Omm u din l-attività se tkun mifruxa fuq is-Sibt 11 u l-Ħadd 12 ta’ Mejju. Is-Sibt filgħaxija se jiġi organizzat Kunċert minn band immexxija mill-Maestro Sigmund Mifsud b’kantanti popolari li jkantaw diski popolari fost it-tfal foshtom Hannah Montana u One Directions fost oħrajn. Din se tkun esperjenza ghat-tfal li tant ikunu jixtiequ jattendu ghal dawn ix-xorta ta’ kuncerti.
Il-ġurnata tal-Ħadd se tkun iddominata mill-logħob, ikel u divertiment fejn it-tfal se jipparteċipaw f’dak kollu li jkun għaddej fil-Palazz.
“Għal dawk kollha li se jattendu, kif wieħed jidħol mill-grada tal-Kastell, għandu jħalli ħsibijietu kollha hemm u jidħol flimkien mat-tfal fid-dinja ta’ kulur u fantasija, kif proprju hija t-tema li ħalla l-Gran Mastru minquxa mad-daħla ta’ dan il-Palazz – Cedant Curae Loco¬¬ – il-ħsibijiet kollha jieqfu hawn” hekk temm jgħid il-President George Abela fil-waqt li rringrazzja lit-tfal u l-għalliema tagħhom li kienu preżenti għal din it-tnedija.
Mela Darba fil-Kastell, nhar is-Sibt 11 ta’ Mejju bejn il-ħamsa ta’ wara nofsinhar u l-għaxra ta’ filgħaxija u l-Ħadd 12 ta’ Mejju bejn id-disa’ ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ wara nofsinhar.
Wieħed li jixtieq jaqta’ l-biljetti minn qabel jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq 21226226. L-adulti jħallsu 4 ewro u it-tfal 3 ewro. It-tfal mal-biljett tad-dħul se jingħataw muniti li jkunu jistgħu jagħżlu bihom liema attrazzjonijiet jixtiequ jattendu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en