DISKORS MILL-ONOR. JOSÉ HERRERA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KULTURA U GVERN LOKALI, WAQT ŻJARA FIT-TEMPJI MEGALITIĊI TA’ ĦAL TARXIEN FL-OKKAŻJONI TAL-GĦAXAR ANNIVERSARJU TA’ HERITAGE MALTA
Wara din iż-żjara hawnhekk illum ġewwa dan is-sit daqshekk prestiġġjuż għall-istorja ta’ pajjiżna, nerġa’ ntenni l-importanza li dan il-Gvern sejjer jagħti biex isostni kultura daqshekk sinjura u distinta. Żjara bħal tal-llum issaħħaħ l-obbligu tal-Gvern li jsiru aktar inizjattivi ta’ dan it-tip sabiex niftħu l-aċċessibbiltà tal-wirt kulturali għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Infakkarkom li Heritage Malta llum, bħala bidu taċ-ċelebrazzjonijiet tal-għaxar anniversarju mit-twaqqif tagħha bħala Aġenzija, fetħet il-bibien tal-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Malta u Għawdex.
Dan huwa dak li wegħdna fil-manifest elettorali. Dan huwa dak li qed nagħmlu.
Permezz ta’ inizjattiva bħal din, entità pubblika bħal ma’ hija Heritage Malta, tagħti mhux biss l-opporunità lill-pubbliku li jżur il-wirt storiku ta’ pajjiżna, imma hija wkoll mezz ta’ kif il-pubbliku in generali jista’ japprezza x-xogħol siewi li qiegħed isir. Ġeneralment dawn ikunu xogħlijiet li jkunu qegħdin isiru minn wara l-kwinti u li mhux bilfors ikunu qed jidhru. Inizjattiva bħal din tagħti l-opportunità li mhux biss tingħata l-informazzjoni dwar il-progett imma li l-pubbliku jkollu ċ-ċans li jitkellem mal-professjonisti li ħadmu fuq il-proġett wiċċ imb’wiċċ.
Dan ix-xogħol partikolari li għandna hawnhekk illum huwa parti minn proġett akbar li jiġbor fih tliet siti storiċi partikolari: It-Tempji tal-Ġgantija fix-Xagħra, Għawdex, il-katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat, Malta u dan it-Tempju ġewwa Ħal Tarxien. Xogħol fuq dawn is-siti qed igawdu minn fondi Ewropej taħt il-kappa tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (l-ERDF). Għal dan il-proġett ġew iddedikati disa’ miljun u mitejn elf Ewro għal dawn it-tlett siti msemmija. Minn dan kollu, f’dan is-sit partikolari, diġà ntemm ix-xogħol fuq il-walkway li tistgħu tapprezzaw illum, li swiet madwar tliet mitt elf Ewro. Xogħlijiet oħra li tlestew f’dan is-sit jikkonsistu fl-istallazzjoni ta’ weather station, li huwa apparat speċjalizzat li qed jagħti statistika importanti li tgħin lill-professjonisti jifhmu aktar l-atmosfera li qiegħed fih dan it-tempju. Permezz ta’ din l-informazzjoni jistgħu isiru l-interventi partikolari biex jissalvagwardjaw dan is-sit. Din ġiet tiswa qrib il-ħamsa u erbgħin elf Ewro. Xogħol ieħor li sar fuq dan is-sit kien scan tri-dimensjonali tal-post. Din hija informazzjoni importanti kemm għall-istudji arkeoloġiċi li qed isiru bħalissa, kif ukoll hija informazzjoni storika importanti għal ġenerazzjonijiet futuri. Dan l-iscan jista’ jiġi apprezzat mill-pubbliku fil-futur qarib permezz ta’ wirja li Heritage Malta ser torganizza u li fiha ser jintwerew mudelli tri-dimensjonali ta’ siti li ġew skenjati.
Bħalissa qed isiru studji arkeoloġiċi bi preparazzjoni għat-tqegħid tat-tinda li ser issir fuq dan it-tempju. B’differenza mit-tined li twaħħlu fuq Ħagar Qim u l-Imnajdra, l-iskop prinċipali ta’ din it-tinda hija prinċiparjament ilqugħ mix-xita u li tagħti direzzjoni għall-irrigazzjoni tas-sit li preżentament isofri minn influss ta’ ilmijiet meta tagħmel ix-xita u li jista’ jkollhom impatt dirett fuq is-sit.
Biex nikkonkludi, naħseb li tajjeb li niġbed l-attenzjoni tal-pubbliku li qed isiru bosta proġetti ta’ konservazzjoni ta’ siti ta’ dan it-tip ġewwa Malta u Għawdex. Issa jiddependi mill-pubbliku lokali li japprezza dan ix-xogħol u li jagħti s-sapport kollu meħtieġ għal inizjattivi simili. Inħeġġeġ lil dawk kollha li qed jattendu sabiex jinkoraġġixxu lil oħrajn li jżuru dawn is-siti u li jagħtu sostenn lil aġenziji bħal Heritage Malta, li qed tagħmel dan ix-xogħol siewi għall-wirt Malti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en